Ħamsin fil-mija tal-miżuri elenkati fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal li tnieda s-sena li għaddiet, diġà ġew implimentati, jew jinsabu fil-proċess li jiġu implimentati.
Dan intqal f’konferenza li saret it-Tnejn filgħodu, li fiha ingħatat ħarsa lejn il-mija u tmien miżuri f’dan il-pjan, u l-istadju ta’ implimentazzjoni li jinsabu fihom, bil-għan li t-tfal kollha f’pajjiżna jingħataw l-opportunità li jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Fil-konferenza ġie spjegat kif mill-mija u tmien miżuri fil-Pjan Nazzjonali għall-Garanzija tat-Tfal għas-snin 2022-2030, disgħa u għoxrin huma relatati mal-protezzjoni soċjali, erbgħa u tletin mal-edukazzjoni, tmienja u tletin mal-kura tas-saħħa, u sebgħa relatati ma’ akkomodazzjoni adekwati.
Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jkomplu jnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost it-tfal, lil hinn mill-benefiċċji finanzjarji lill-familji, għaliex huwa dritt ta’ kull tifel u tifla li jkollhom aċċess ugwali għal servizzi ta’ saħħa u edukazzjoni, fost l-oħrajn.
Fil-konferenza ġie spjegat kif in-numru ta’ tfal meqjusa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali f’pajjiżna baqa’ relattivament stabbli fl-aħħar snin, u saħansitra r-rata niżlet għal 23.1% is-sena l-oħra.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru responsabbli minn din il-faxxa tas-soċjetà f’pajjiżna, Michael Falzon innota kif dan il-pjan qed jagħti garanzija li s-soċjetà ta’ għada tkun aħjar minn tal-lum.
Qal li d-dover tal-Gvern huwa li jipprovdi opportunità lit-tfal kollha biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.
Intant, is-sena d-dieħla, Malta se tissottometti r-rapport tagħha lill-Kummissjoni Ewropea, bid-dettalji dwar il-miżuri implimentati f’dan ir-rigward.