Il-linja nazzjonali tal-ajru KM Malta Airlines, li qed tieħu post l-Air Malta, minn dalgħodu fetħet il-bookings tagħha għal titjiriet li se tibda topera mill-31 ta’ Marzu li ġej bl-ewwel programm ta’ vjaġġi lejn 17-il ajruport.
Il-linja l-ġdida, li ngħatat iċ-ċertifikat u l-liċenzja ta’ operatur mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili fil-bidu ta’ dan ix-xahar, qalet fi stqarrija li l-bookings għall-programm tagħha tas-sajf 2024 qed jiftħu f’żewġ fażijiet, bl-ewwel waħda dik tal-lum għall-aġenti tal-ivvjaġġar u permezz tal-pjattaformi terzi onlajn.
Klijenti individwali jistgħu wkoll jibbukkjaw il-vjaġġi tagħhom billi jċemplu n-numru tar-reservations tal-KM Malta Airlines fuq 21356000 bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mit-8:00 ta’ filgħodu sat-8:00 ta’ filgħaxija, waqt li s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-festi pubbliċi bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija.
It-tieni fażi, imbagħad, se tiftaħ nhar it-Tnejn 11 ta’ Diċembru għal bookings diretti online, permezz tal-websajt u l-pjattaforma uffiċjali ta’ KM Malta Airlines.
Attwalment il-klijenti prospettivi jistgħu jaċċessaw il-programm ta’ titjiriet tal-linja minn fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali.
Il-programm, li se jkun qed jopera bejn il-31 ta’ Marzu u s-26 ta’ Ottubru 2024, se jara lil-linja nazzjonali ttir lejn 15-il belt prinċipali Ewropea, li huma Amsterdam fl-Olanda, Berlin fil-Ġermanja, Brussell fil-Belġju, Katanja, Ruma u Milan fl-Italja, Dusseldorf u Munich fil-Ġermanja, Londra fl-Ingilterra permezz ta’ Gatwick u Heathrow, Lyon u Pariġi permezz ta’ Charles de Gaulle u Orly fi Franza, Madrid fi Spanja, Praga fir-Repubblika Ċeka, Vjenna fl-Awstrija u Zurich fl-Iżvizzera.
Sadanittant tħabbar li, kif kien ippjanat, l-Air Malta ħassret il-bookings kollha li kellha għal titjiriet mill-31 ta’ Marzu li ġej ’il quddiem u rrifondiet il-ħlas kollu, inkluż it-taxxi, għall-biljetti li kienu diġà nqatgħu magħha.
Aġenziji tal-ivvjaġġar jistgħu jagħmlu l-istess f’isem il-klijenti tagħhom.