Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, għaddejjin il-preparamenti għal Maratona Ġbir ta’ Fondi, b’risq il-Partit Laburista, li se ssir nhar il-Ħadd 10 ta’ Diċembru.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, spjega kif dan il-ġbir f’Diċembru, ikun kemmxejn differenti minn ġbir ta’ fondi oħrajn.
Qal, “Bħalissa għaddejjin, ovvjament il-preparamenti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. In-nies ikunu qed jistennew il-ġbir ta’ fondi ta’ Diċembru, għaliex tkun daqsxejn aktar differenti. Se jsegwu spettaklu, se jsegwu lid-deputati, naturalment, jagħmlu affarijiet li mhux imdorrijin naraw li jagħmlu, imma fuq kollox tista’ tiġi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, tiltaqa’ mal-Prim Ministru, mal-familja Abela, u mal-Amministrazzjoni kollha, titkellem magħna u tgħin lill-Partit Laburista.”
Huwa fakkar kif il-Partit Laburista huwa bbażat fuq il-volontarjat, u għalhekk appella għad-donazzjonijiet.
Stqarr, “Il-Partit Laburista huwa bbażat fuq il-volontarjat, u fuq id-donazzjonijiet tan-nies, u il-flus li jinġabru, dejjem nenfasizza, biex immexxu b’għaqal il-finanzi tal-Partit. Ħaddieħor jippontifika ħafna fuq kif għandha titmexxa l-politika, u għandu rapporti finanzjarji li lanqas biss ippubblikahom, jikser il-liġi. Aħna min-naħa tagħna dejjem trasparenti, u mmexxu dejjem b’għaqal.”