Minn għada, it-Tnejn 4 ta’ Diċembru se jibdew jitqassmu ċekkijiet b’għotja ta’ mija u ħamsin ewro lil ħamsa u għoxrin elf persuna li jaħdmu f’postijiet b’ħinijiet tax-xogħol atipiċi.
Dan ħabbru l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol fi stqarrija fejn intqal li minn dan il-benefiċċju qed igawdu ħaddiema tal-privat u self-employed.
Dan ifisser li dawk il-ħaddiema li jaħdmu bix-xift, fi tmiem il-ġimgħa jew wara s-sitta ta’ filgħaxija u li d-dħul tagħhom ma jeċċedix l-€20,000 fis-sena, huma eliġġibli għal din l-għotja.
Ġie spjegat li din il-miżura li ġiet introdotta fil-Baġit tal-2022, se tkun ħalliet fil-bwiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin madwar għaxar miljun ewro f’sentejn.
Dan iċ-ċekk qiegħed jingħata kemm lill-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full-time u kif ukoll lil dawk il-ħaddiema li l-impjieg part-time huwa l-impjieg ewlieni tagħhom.
Is-setturi eliġibbli f’din l-iskema huma l-Akkomodazzjoni u s-Servizzi tal-Ikel; is-Servizzi Amministrattivi u ta’ Sapport; il-Manifattura; it-Trasport u l-Ħażna; u l-Bejgħ bl-Ingrossa u bl-Imnut.
Il-benefiċjarji jridu jkunu ilhom jaħdmu mal-istess intrapriża minn tal-inqas sitt xhur matul is-sena 2022.
Għal aktar informazzjoni wieħed huwa mħeġġeġ iċempel fuq freephone 153.