Balzan xejn ma tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Sirens bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0, f’partita li huma ddominaw mill-bidu sat-tmiem. Huma kienu ferm organizzati tattikament minn kull lat fil-ground, b’kuntrast għal Sirens li dehru ferm traskurati f’kull dipartiment.
Kienu Sirens li ħarġu ferm aggressivi u wara biss żewġ minuti, Frank Boateng impenja lill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Balzan Rudy Briffa li salva tajjeb minn mal-art.
Balzan wieġbu erba’ minuti wara meta Ivan Bozovic għadda tajjeb lejn Leoanaro Da Silva Souza li kellu x-xutt tiegħu salvat tajjeb minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Sirens, Ini Etim Akpan. Huma komplew jippressaw u mal-kwarta logħob fetħu l-iskor meta LEONARDO DA SILVA SOUZA kkontrolla tajjeb, qabel dar ma’ Akpan u difensur avversarju u tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-45 minuta, eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima, Balzan irduppjaw l-iskor meta PAUL FENECH minn pożizzjoni ideali b’eleganza qabbeż il-ballun minn fuq Akpan.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan, komplew fejn ħallew fl-ewwel waħda u fis-47 minuta, Ryohei Michibuchi permezz ta’ xutt mill-ewwel minn taħt il-lasta, tefa’ għoli.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut ta’ Balzan u fil-51 minuta rebħu penalty meta Alex Cini waqqa’ lil Aleksa Andrejic fil-kaxxa. Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-awtur tal-ewwel goal, LEONARDO DA SILVA SOUZA, li permezz ta’ xutt ċentrali fil-baxx ma żbaljax, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Sirens wieġbu fis-87 minuta permezz tas-sostitut Daniel Agius li wara li rċieva minn pass perfett ta’ Frank Boateng kellu x-xutt dijaginali tiegħu minn pożizzjoni ideali jaħbat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.
Il-partita kompliet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, b’Balzan ikomplu jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ezekiel Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Leonardo Da Silva de Souza (Balzan)