Fi ftit sigħat wara li tnediet l-inizjattiva annwali Children’s Dreams, ġew maħtufa l-elf, seba’ mija u tmenin xewqa ta’ rigali għal tfal vulnerabbli.
Il-ħolm tat-tfal din is-sena kien ivarja, minn ġugarell sa biljetti biex jaraw il-film favorit tagħhom fiċ-ċinema; u saħansitra xi kors f’xi dixxiplina jew snajja’ partikolari.
Kif spjegat magħna id-Direttur tad-Direttorat għall-Kura Alternattiva, Remenda Grech, din il-kampanja tiżgura li t-tfal fil-bżonn iħossu huma wkoll il-ferħ li tirċievi rigal f’dan iż-żmien tal-Milied.
Qalet, “Dawn huma tfal li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, tfal li esperjenzaw diversi trawmiet fil-ħajja tagħhom, jew jgħixu f’kura alternattiva, jew inkella jgħixu fil-komunità mal-familji tagħhom però li nafuhom, nafu t-toqol tal-istorja tagħhom. Allura nħossu li huwa d-dover tagħna li bħala ċittadini inferħħu lil dawn it-tfal f’dan l-ambjent sabiħ li deħlin fih.”
Issa li fadal ftit anqas minn ġimagħtejn li fihom suppost ikunu nġabru r-rigali mwiegħda kollha, Remenda Grech kellha appell għal dawk li ħadu sehem f’din l-inizjattiva.
Qalet, “Issa li fadal ftit anqas minn ħmistax sabiex tagħlaq il-ġurnata li nkunu ġbarna l-ħolm kollu, jirriżulta li għad fadal ħafna ħolm li għad irid jinġabar u allura l-appell tiegħi huwa li għal dawk kollha li pleġġjaw, għal dawk kollha li taw isimhom biex iġibu r-rigali fl-uffiċċju tagħna fil-Mosta u b’hekk ikollna l-ħin biex inqassmu dawn ir-rigali.”
Grech kellha appell ieħor, din id-darba sabiex il-Maltin u l-Għawdxin iferrħu lil żgħażagħ li jinsabu rikoverati l-isptar.
Qalet, “Ġejna ikkuntattjat anke mill-isptar li hemm 20 ġuvni u tfajla rikoverati fl-isptar, u naħseb tkun xi ħaġa sabiħa li bħala ċittadini nkunu qegħdin ngħinu lil dawn iż-żgħażagħ li se jqattgħuh fl-isptar huma wkoll ikollhom rigal li jistgħu jifirħu bih.”
Kull min huwa interessat li jgħin f’din l-inizjattiva jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook Children’s Dreams Malta u jagħmlu kuntatt biex jingħataw aktar dettalji.