Tħabbru r-rebbieħa tat-tmien edizzjoni ta’ Premju Servizz bi Tbissima waqt ċerimonja mtella’ mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.
L-edizzjoni ta’ din is-sena kellha sitt kategoriji u l-votazzjoni mill-pubbliku saret fis-sajf.
Għal din l-edizzjoni ġew innominati aktar minn elf u tliet mitt bejjiegħ u kumpaniji.
Dawk li kklassifikaw fl-ewwel post ta’ kull kategorija ngħataw trofew, ċertifikat u d-dritt li jużaw il-logo ta’ Servizz bi Tbissima fuq materjal promozzjonali.
Iċ-Chairperson tal-MCCAA, Helga Pizzuto spjegat li dan il-premju huwa xhieda tal-impenn biex jitrawmu djalogi miftuħa u onesti.
Qalet, “Dan huwa importanti għaliex il-konsumatur ma jistax ikollu dak li huwa bid-dritt tiegħu jekk ma jkunx hemm in-negozjant li qed joffri l-prodott ta’ kwalità, servizz tajjeb u li jonora l-obbligi legali tiegħu. Għaldaqstant dan huwa l-mezz ta’ kif aħna nirrikonoxxu dawk li qed jaħdmu għall-ġid tal-konsumatur.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli qalet li inizjattivi bħal dawn jenfasizzaw l-importanza tal-customer care u s-servizzi ta’ wara l-bejgħ.
Qalet, “Kien ta’ pjaċir li naraw dawn l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin jieħdu sehem f’’din il-kompetizzjoni fejn setgħu huma jirikonoxxu dawk il-bejjiegħa li jkunu taw servizz li jkun wieħed ta’ eċċellenza.”
Il-Ministru fakkret li din is-sena komplew jissaħħu l-għodda legali tal-konsumatur b’liġijiet ġodda fil-Parlament, u nnutat kif inizjattiva bħal din tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-konsumaturi u n-negozjanti.
Permezz ta’ din il-kompetizzjoni, il-konsumaturi juru l-apprezzament tagħhom lejn dawk li joffrulhom servizz tajjeb, u dan iħeġġeġ lis-settur tan-negozju biex ikompli jtejjeb is-servizz.