Inħarġu tliet liċenzji ġodda lil assoċjazzjoniet għall-użu personali tal-kannabis. Il-liċenzji, li issa jgħoddu għal ħamsa, huma mniżżla fuq is-sit tal-Awtorità Għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC.
L-Awtorità fakkret lill-membri prospettivi li l-assoċjazzjonijiet imniżżla fuq is-sit biss jistgħu jikkultivaw u jiddistribwixxu kannabis lill-membri.
Is-sħubija hi limitata għal residenti Maltin ta’ ’l fuq minn tmintax-il sena u trid tiġi pprovduta kopja tal-karta tal-identità lill-assoċjazzjoni bħala prova.
Intant f’Novembru l-Awtorità organizzat taħriġ għall-istess assoċjazzjonijiet b’rabta mas-settur u kif jitnaqqas ir-riskju kif ukoll ir-relazzjoni bejn is-saħħa tal-pubbliku u r-regolamenti b’rabta ma’ kannabis mhux għall-użu mediku.