Il-Prim Ministru Robert Abela llum se jindirizza s-Summit tal-COP28 f’Dubaj.
Għal-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti, COP28 qed jattendu Mexxejja minn madwar 130 pajjiż li laħqu qbil fuq dikjarazzjoni li tindirizza l-produzzjoni tal-ikel bħala mezz ta’ impatt fuq il-bidla fil-klima.
Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela indirizza laqgħa organizzata minn Malta u li saret fil-marġni tas-Summit.
Fil-laqgħa l-Prim Ministru ħabbar proġett li beda mill-Università ta’ Malta li joħloq indiċi li jkejjel il-vulnerabbiltà ta’ stati żgħar quddiem il-fenomenu tal-bidla fil-klima.
F’kummenti mal-midja minn Dubaj, il-Prim Ministru spjega wkoll kif fil-jum tal-Ġimgħa beda jaħdem il-proġett shore-to-ship fil-Port il-Kbir fejn l-ewwel cruiseliner tqabbad mal-elettriku fuq il-moll u b’hekk tefa’ l-magni biex b’hekk beda jonqos sew l-impatt ta’ emissjonijiet ġejjin mill-bastimenti.
Bil-proġett rivoluzzjonarju tax-shore-to-ship, il-kwalità tal-arja se tkompli titjieb kif jispjegaw l-esperti li jisħqu wkoll li t-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa drastiku, jiġifieri t-tniġġis jonqos b’90%.