Ir-riformi fil-qasam tal-ippjanar se jkomplu. Dan kien il-messaġġ li ħareġ waqt is-seduta Parlamentari li ddiskutiet l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar b’rabta mal-Baġit 2024.
Fid-diskors li għamel f’din is-seduta, il-Ministru responsabbli Stefan Zrinzo Azzopardi nnota kif fl-aħħar tnax-il xahar saru riformi kbar f’dan il-qasam u li mistennija jkomplu jissaħħu fis-snin li ġej.
Hawn innota s-suċċess li bih qed jitħaddem il-Liċenzjar tal-Kuntratturi, li daħal fis-seħħ aktar kmieni din is-sena u li sa Ottubru f’pajjiżna kien hawn ftit inqas minn tlett elef u tmien mitt kuntrattur rreġistrat. Hu fakkar ukoll kif mad-disgħin fil-mija tal-proposti tar-Rapport Quintano qegħdin jitħaddmu.
Dan filwaqt li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, kompliet tgawdi mir-riżorsi meħtieġa biex tkompli għaddejja bil-ħidma. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr ukoll kif fil-ġejjieni s-setgħat u r-riżorsi tal-awtorità wkoll se jkomplu jitwessgħu.
“Aħna verament nemmnu illi dan is-settur jixraqlu li jkompli jimxi ’l quddiem u flimkien mal-Gvern li qed imexxi bid-deċiżjonijiet u mhux nibqgħu niddiskutu, imma li niddeċiedu biex nimxu ’l quddiem anke l-industrija qed tifhem, anke l-operaturi qegħdin jifhmu li ż-żmien ta’ bidliet importanti wasal.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi kkuntrasta din il-ħidma mal-aġir tal-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista li kienet tieħu s-snin biex tgħaddi liġi mill-Parlament rigward dan il-qasam.
Dwar id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna kif dan qed iservi ta’ spalla wkoll għall-Kunsilli Lokali hekk kif apparti x-xogħol tad-Dipartiment, il-ħaddiema qed jgħinu wkoll f’dak li jkollhom bżonn il-kunsilli lokali madwar il-pajjiż kollu.
Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-frott li qegħdin iħallu l-inċentivi fiskali ta’ żvilupp f’żoni ta’ konservazzjoni urbana, magħrufa bħala UCA.
“Kemm hu inċentiv importanti biex diġà bdejt nara ċerti proprjetajiet li qed jagħmlu aktar qalb l-antik.”
Id-Deputat Laburista Ray Abela tkellem dwar l-importanza li tingħata aktar taħriġ u informazzjoni f’dan il-qasam.
“Ma nistax ma nsemmix il-bżonn ta’ taħriġ u informazzjoni li twassal għal aktar sostenibilità f’din l-industrija. Il-kostruzzjoni ambjentali u l-użu aktar ta’ materjal riċiklat.”
Fl-aħħarnett, indirizzat ukoll lill-Parlament, id-Deputata Laburista Katya De Giovanni li appellat lill-pubbliku biex jersaq ’il quddiem u jkun parteċipi f’din ir-riforma li imbarka fuqha pajjiżna fil-qasam tal-ippjanar.
“Intenni l-appell tiegħi biex kulħadd jieħu sehem attiv f’din il-bidla tant u tant neċessarja għal pajjiżna. Persważa li bil-kontribut ta’ kull wieħed u waħda minnha se naslu.”