Ta’ kull sena, ‘Milied fil-Pjazza’ tiftaħ l-istaġun festiv fil-pjazza ewlenija ta quddiem il-Knisja Parrokjali ta’ Birżebbuġa b’attività mfittxija ferm li tgħaqqad kemm dan ir-raħal u kemm lil dawk kollha mill-madwar, li jogħġobhom iżuru dan ir-raħal f’dawn il-ġranet.
Kull l-ewwel tmiem il-ġimgħa ta’ Diċembru, voluntiera mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa jorganizzaw din l-attività fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokjali.
Il-qofol tagħha huwa kollu xogħol volontarju u kull ma jmur, kull sena qed iżżid fil-popolaritàtagħha. Diversi għaqdiet f’Birżebbuġa, bħall-Girl Guides, iż-ŻAK Birżebbuġa, u l-kor tal-parroċċa, fost l-oħrajn, jagħtu sehemhom bi ħġarhom.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Milied fil-pjazza, iz-zuntier se jkun armat b’bankarelli b’rigali, b’xogħol artiġjanali, pjanti, ikel, xorb tradizzjonali tal-Milied, u ħafna affarijiet oħra. Se jkun hemm ukoll photobooth u area apposta għat-tfal b’logħob u attrazzjonijiet għalihom, fosthom workshops fejn jinżebgħu l-pasturi u post addattat għall-okkazjoni biex jittieħed ritratt mal-Father Christmas.
Presepju ħaj se jkun qiegħed janima l-ġrajja tal-Milied filwaqt li s-serati matul it-tmiem il-ġimgħa se jkunu mżewqa b’diversi talenti fosthom permezz taż-żewġ għaqdiet tal-banda, il-kantant Kyle Cutajar, il-Kor Voca bi spettaklu ta’ Disney, il-Band Alchemist, grupp ta’ Flamenco, il-grupp Dancing Angels u Fire Poi fost oħrajn. Il-Ħadd filgħodu se ssir mixja mar-raħal fejn kulħadd huwa mistieden.
Din is-sena sabiex jikber is-sens ta’ komunità u għaqda, diversi għaqdiet ramaw siġar tal-Milied b’mod differenti.
Dwar dan kellimna Chris Bonnici mill-Kumitat Organiżżativ.
‘Milied fil-pjazza, is-sens tagħha huwa li ngħaqqdu aktar il-komunità u nixtiequ aktar nies jinvolvu ruħhom. Allura din is-sena ħsibna biex għaqdiet u nies differenti jagħmlu s-siġar differenti huma. Ħa jkollna s-siġar armati b’mod differenti. Għandna l-każini tal-baned ramaw siġra kull wieħed, għandna l-Community Police li taw is-sehem tagħhom u ramaw siġra wkoll. Għandna l-Kulleġġ San Alwiġi li ramat siġra u anki l-Aġenzija Żgħażagħ flimkien maż-żgħażagħ li ramaw siġra wkoll. Barra t-tiżjin u l-armar li jkollna s-soltu, ħa jkollna dawn is-siġar differenti wkoll.’