Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab f’Dubaj mal-mexxejja dinjija għal-laqgħa tal-COP28, laqgħa tal-Ġnus Magħquda dwar it-tibdil fil-klima.
Fil-marġini ta’ din il-laqgħa, il-Prim Ministru indirizza avveniment organizzat minn pajjiżna, li ffoka fuq ir-reżiljenza ta’ gżejjer żgħar għat-tibdil fil-klima.
F’dan l-avveniment, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern Malti se jkun qed jiffinanzja proġett ieħor, din id-darba ta’ riċerka, li se jkun qiegħed isaħħaħ il-Climate Vulnerability and Resilience Index – għodda li tgħin gżejjer żgħar jidentifikaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom għall-effetti tat-tibdil fil-klima biex ikunu jistgħu jilqgħu għalihom.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li jekk ma naġġornawx il-mod li bih noperaw, mhux biss niffaċċjaw spejjeż ekonomiċi kbar imma ngħarrqu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna.
“Qegħdin naraw l-importanza ta’ dan l-indiċi għax imbagħad skont il-qawwa, skont kemm inti espost tista’ tagħmel miżuri biex tilqa’ għal dak il-fenominu. Qegħdin naraw realtà oħra, li minkejja dawn l-istati żgħar huma l-inqas li jħammġu, l-inqas li jikkontribwixxu għaż-żieda fit-temperatura u l-effetti negattivi klimatiċi, sfortunatament, meta tiġi għall-effetti tat-tibdil fil-klima huma l-aktar li jintlaqtu għandek din l-ironija. Filwaqt, li aħna l-inqas li nikkontribwixxu għat-tħammiġ tal-ambjent, l-iktar li niġu impattati meta jiġu d-devastazzjonijiet minħabba ż-żieda fil-livell tal-baħar, minħabba kif mod naturali ġeografiku qed niġu esposti aktar u għalhekk din l-iniżjattiva, li nsellem ħafna lill-Università ta’ Malta u l-istitut partikolari li mexxija ’l quddiem tara kemm l-Università tista’ tagħti kontribut u katalista ta’ dawn l-iniżjattivi sbieħ, li mbagħad jinħatfu wkoll minn gżejjer oħrajn, minn stati oħrajn li qegħdin jiżviluppaw biex flimkien nagħmlu dan l-isforz globali u nirreżistu dan il-fenominu tat-tbiddil fil-klima.”
Dr Abela sostna li għalhekk bħala pajjiż qegħdin nimbottaw ukoll aġenda li biha stati żgħar madwar id-dinja bħal Malta, jindirizzaw sfidi marbuta mat-tibdil fil-klima fosthom bl-inizjattiva ‘Islands for Islands’ li l-Prim Ministru kien ħabbar fil-COP26.
Inizjattiva li wasslet biex l-Aġenzija għall-Enerġija u Ilma ta’ pajjiżna tassisti lil gżejjer oħra jżidu l-kapaċità tagħhom fl-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi skarsi tal-ilma u għalhekk tgħin gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw relatati mat-tibdil fil-klima.
Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela kien preżenti għall-ftuħ ta’ summit globali u mistenni jindirizza l-laqgħa s-Sibt, fejn mistenni jkompli jagħti viżibilità lil temi marbuta mat-tibdil fil-klima li jolqtu stati żgħar bħal Malta.