Fil-kapitali Ukrena Kyiv ittella’ kunċert b’mużika tal-kompożitur Malti Girolamo Abos waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici flimkien mal-kontroparti tiegħu Ukren, Rostyslav Karandieiev.
Il-kunċert ittella’ taħt id-direzzjoni tad-Direttur mużikali Maestro Nancy Milesis Romanio, u wassal repertorju barokk magħmul minn kompożizzjonijiet ta’ kompożituri diversi.
Intant, kif dan il-kunċert serva ta’ pass ieħor fil-kooperazzjoni fil-qasam kulturali taż-żewġ stati.
F’kumment li ta lill-midja lokali, l-Ministru Owen Bonnici saħaq li dan il-kunċert kellu sinifikat ta’ solidarjetà u sostenn lejn il-poplu Ukren hekk kif emfasizza l-użu tal-arti u l-kultura bħala metodi oħra ta’ appoġġ.
“Aħna ġejna hawnhekk f’Kyiv biex nuru s-solidarjetà tagħna u tellajna kunċert fejn fih indaqqet mużika ta’ kompożitur Malti Girolamo Abos kif ukoll tal-kompożitur Taljan Antonio Vivaldi. Aħna nemmnu li bis-saħħa ta’ dawn il-ġesti kulturali nistgħu nkunu qrib u nkunu ta’ kuraġġ u sostenn għal poplu tal-Ukrajna.”
Il-Ministru Bonnici temm jirrimarka s-suċċess ta’ dan il-kunċert hekk kif stqarr li ntlaqa’ tajjeb ferm mill-awtoritajiet Ukreni li attendew għalih.