Malta uffiċjalment se tkun fit-tmun tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, mill-ewwel ta’ Jannar li ġej.
Dan hekk kif matul l-2024, Malta se jkollha f’idejha l-Presidenza ta’ din l-akbar organizzazzjoni reġjonali għas-sigurtà u l-koperazzjoni.
Dan wara li fil-laqgħa Ministerjali tal-OSCE fil-Maċedonja ta’ Fuq, kien hemm deċiżjoni unanima, li jfisser li kien hemm qbil bejn is-sebgħa u ħamsin pajjiż mill-Ewropa, l-Amerka u l-Asja, li jinsabu membri ta’ din l-organizzazzjoni.
Din turi l-fiduċja b’saħħitha li għandha Malta fil-fora internazzjonali.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet wara jumejn ta’ laqgħat, miċ-Chairperson-in-Office tal-OSCE, Bujar Osmani – il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Maċedonja ta’ Fuq.
“All participating states had agreed that Malta is the new Chair for next year.”
Iċ-Chairperson-in-Office tal-OSCE, Bujar Osmani
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, li tenna li l-vot unanimu turi li l-koperazzjoni li hemm f’din l-organizzazzjoni, waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali.
“The unanimous vote by the 57 countries is a testament to our joint commitment to continue strengthening our organisation and to ensure that despite all the challenges we are currently facing. We ensure that this organisation remains robust.”
Il-Ministru Ian Borg
F’dan id-diskors, il-Ministru Borg tenna li Malta temmen fil-valuri tal-paċi u d-djalogu.
Il-Ministru Ian Borg tenna li għandu jkun hemm il-waqfien mill-ġlied, fejn sostna li għandha tintemm il-gwerra fl-Ukrajna għandha tieqaf.
“We must focus on ending war and conflict. Russia’s war on Ukraine must stop.”
Il-Ministru Ian Borg
Mill-ewwel ta’ Jannar li ġej, iċ-Chairperson-in-Office tal-OSCE se jkun il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg.
B’reazzjoni fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-komunità internazzjonali tista’ sserraħ fuq Malta bħala aġent kredibbli għad-djalogu fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali. Intqal li l-Gvern Malti huwa onorat bid-deċiżjoni unanima li jkollha l-Presidenza tal-OSCE. Dr Abela sostna ċ-Chairperson-in-Office tal-OSCE, is-sena d-dieħla, Ian Borg se jkun qed imexxi ‘l quddiem il-prinċipji favur id-djalogu u l-paċi.
Fit-tmun tal-Presidenza tal-OSCE, is-sena d-dieħla kellu jkun hemm l-Estonja, iżda r-Russja u pajjiżi oħrajn pro-Russi oġġezzjonaw.
Kien fil-bidu ta’ Novembru li għadda, meta pajjiżna ġie avviċinat biex is-sena d-dieħla tmexxi l-OSCE u nhar it-Tnejn li għadda, il-Kumitat Permanenti rrakkomanda isem pajjiżna għall-Presidenza.