Il-Prim Ministru Robert Abela ħalla Malta fl-aħħar sigħat u jinsab f’Dubaj fejn qed tittella’ l-laqgħa indirizzata minn Mexxejja madwar id-dinja, dik magħrufa bħala l-COP28.
Il-COP28 hija l-laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti li tindirizza l-fenomenu tat-tibdil fil-klima.
Il-Prim Ministru Abela mistenni jindirizza l-laqgħa għada u mistenni jkompli jagħti viżibilità lil temi marbuta mat-tibdil fil-klima li jolqtu stati żgħar fosthom gżejjer bħal Malta.
Dan anki fl-isfond ta’ dak li esperjenza l-Mediterran matul is-sajf li għadda fejn l-esperti ambjentali fissru r-reġjun imsemmi bħala l-epiċentru tat-tibdil fil-klima.
Proprju marbut mas-suġġett tas-sigurtà fil-klima, il-Prim Ministru Robert Abela llum se jindirizza laqgħa fuq inizjattiva ta’ Malta li tibni fuq dik tal-Island for Islands Initiative fejn pajjiżna qed iwassal messaġġ biex pajjiżi żgħar jitkellmu flimkien u jiddiskutu l-impatt u l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi indirizzata bis-serjetà l-bidla fil-klima.
L-impenji tal-Prim Ministru Malti f’Dubaj ikomplu wara impenji oħra li kellu aktar kmieni din il-ġimgħa fi Vjenna mal-Kanċillier Awstrijak Karl Nehammer u f’Berlin mal-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz.
Hemmhekk il-Prim Ministru Robert Abela kompla jagħti viżibilità lill-kwistjonijiet marbuta mal-Mediterran.
Reġjun li fuqu Malta qed timbotta messaġġ b’saħħtu anki favur il-paċi.
Currently in Dubai for #COP28, a global gathering dedicated to climate action for a sustainable future. 🇲🇹 is actively pursuing significant measures to tackle climate challenges. We're striving for a greener, more resilient future for our planet & communities. – RA #MaltaAtCOP28 pic.twitter.com/HHNSGKyUrq
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 1, 2023