Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qal li l-Istati Uniti tal-Amerka fiduċjuża li Malta tista’ tieħu l-Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, ftit ġimgħat oħrajn u se joffri l-appoġġ sħiħ biex pajjiżna jagħmel dan bl-aħjar mod.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Blinken qal dan f’kitba fuq il-midja soċjali wara laqgħa li kellu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Ian Borg, fi Skopje, fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Blinken tenna li l-Istati Uniti hi grata li Malta resqet ’il quddiem biex tassumi r-responsabbiltà, li tmexxi l-Presidenza ta’ din l-akbar organizzazzjoni fid-dinja tas-sigurtà u koperazzjoni reġjonali.
Fuq il-midja soċjali, il-President ta’ Malta, George Vella, laqa’ t-talba biex pajjiżna jassumi r-responsabbiltajiet li tmexxi l-OSCE mill-bidu tas-sena d-dieħla. Il-President Vella tenna li jinsab kburi li pajjiżna reġa’ qam għall-okkażjoni biex jieħu t-tmexxija ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali fejn se jibqa’ taħdem favur il-paċi, id-djalogu u d-diplomazija.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta hi grata li għas-sapport li għandha mill-istati membri kollha tal-OSCE, b’appoġġ unanimu.
Dr Abela tenna li l-Presidenza Maltija, li se tkun immexxija mill-Ministru Ian Borg, se tkompli twassal il-messaġġ favur is-sigurtà liċ-ċittadini kollha.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, f’kumment mal-midja lokali f’Berlin, il-Prim Ministru tenna li dan juri r-rispett li jgawdi pajjiżna.
Sorsi fi ħdan l-OSCE tennew li Malta għandha r-rispett internazzjonali bil-messaġġ konsistenti favur il-paċi internazzjonali kemm dwar il-Gwerra fl-Ukrajna u anke fil-Gwerra fil-Lvant Nofsani.
Ir-referenza li saret kienet għal-laqgħa bejn id-diplomatiċi għoljin mill-Amerka u ċ-Ċina f’Malta f’Settembru li għadda li wasslet għal-laqgħa tal-President Joe Biden u Xi Jinping f’nofs Novembru f’San Francisco, u anke l-laqgħa mill-Ukraine Peace Formula f’pajjiżna x-xahar li għadda.