Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, ħabbar it-tnedija ta’ proġett nazzjonali bit-tema “Inżommu Nadif Flimkien”, li permezz tiegħu d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni se tkun qiegħda taħdem id f’id ma’ sitt entitajiet pubbliċi oħrajn biex jindirizzaw in-neċessitajiet bażiċi f’żoni residenzjali f’pajjiżna.
Dawn in-neċessitajiet jinkludu manutenzjoni ta’ tappieri tal-ilma, bdil ta’ bozoz u tabelli tat-toroq, manutenzjoni ta’ pavimentar u għamara tat-toroq, żebgħa tal-linji tat-toroq, żebgħa tal-għamara tat-toroq, knis u qtugħ ta’ ħaxix selvaġġ, tindif ta’ culverts u ħasil tat-toroq, fost oħrajn.
L-entitajiet involuti mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni huma d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni ta’ Żoni Turistiċi, Infrastructure Malta, Transport Malta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemalta.
Il-proġett se jimmarka investiment rekord ta’ €5.2 miljun f’apparat teknoloġiku u ambjentali bi ħsieb li jtejjeb bil-kbir l-effiċjenza u r-rapidità fix-xogħlijiet li jsiru minn Clean Malta. Il-kampanja wkoll se tkun qed tippromwovi kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
Id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Turiżmu, Anthony Gatt, id-Direttur Ġenerali ta’ Clean Malta, Ramon Deguara, rappreżentanti ta’ entitajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, il-Ministru Bartolo stqarr li l-għan ta’ dan il-proġett hu li jgħaqqad u jeduka, iżda fuq kollox li jkollna pajjiż isbaħ u aktar nadif kemm għall-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jżuruna.
Qal, “Grazzi għall-ħaddiema, grazzi għall-investiment li qegħdin nagħmlu f’dan il-qasam, juri li qegħdin inpoġġu fuq nett tal-aġenda tagħna l-indafa pubblika biex b’hekk naraw li pajjiżna verament ikompli jimxi ’l quddiem u jkompli jikseb is-suċċess.”
Biex tissaħħaħ l-importanza tal-indafa pubblika mas-soċjetà Maltija u Għawdxija, dan il-proġett nazzjonali se jinvolvi wkoll kampanja edukattiva u soċjali mal-Gżejjer Maltin permezz tal-karattru “Xummiemu”.