L-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, twaqqfet f’nofs is-sebgħinijiet fi żmien tal-Gwerra Bierda bejn iż-żewġ superpotenzi ta’ dak iż-żmien, jiġifieri l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.
It-twaqqif ta’ din l-organizzazzjoni kien permezz tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, li għal bosta snin iddiskutiet il-paċi fl-Ewropa. Malta, ftit wara li kisbet l-indipendenza tagħha, bdiet tieħu sehem fil-konferenza fl-elf disa’ mija, tlieta u sebgħin, ħamsin sena ilu.
Din il-laqgħa baqgħet magħrufa għad-dikjarazzjoni li kien għamel il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff, fejn sostna li ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa, jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran.
B’dan il-prinċipju dwar il-paċi ddaħħal finalment fil-Helsinki Final Act, li Malta ffirmat f’Awwissu tal-elf disa’ mija, ħamsa u sebgħin.
Wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika fid-disgħinijiet kien hemm tibdil fl-isem u minn Konferenza għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa saret magħrufa, kif inhi sal-lum, l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa.
Fl-istess diċenju, eżattament fl-elf disa’ mija, wieħed u disgħin, inħoloq ir-rwol ta’ Chairperson-in-Office. F’din il-pożizzjoni kien hemm pajjiżi kbar, bħall-Ġermanja, l-Italja u l-Iżvezja, anke jekk fl-aħħar tletin sena, ġganti oħrajn, bħal Franza u r-Renju Unit, qatt ma kellhom il-Presidenza ta’ din l-organizzazzjoni.
Bil-Presidenza s-sena d-dieħla, din se tkun l-ewwel darba għal pajjiżna li se jokkupa din il-kariġa prestiġġjuża.
Illum il-ġurnata, din l-organizzazzjoni għandha sebgħa u ħamsin membru, fosthom Malta, li tpoġġi fuq l-istess mejda mal-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, fost oħrajn. L-għan ta’ din l-organizzazzjoni hu li tippromwovi l-paċi, id-drittijiet umani u anke li jsiru elezzjonijiet ħielsa.