Meta jiftaħ il-hub speċjalizzat għall-vittmi tal-vjolenza domestika f’Santa Luċija, il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali se timpjega erbatax-il risk assessor biex dejjem ikun hemm xi ħadd, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex issir l-evalwazzjoni ta’ dawn il-każi.
Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, waqt li kien qed jindirizza konferenza li saret għas-sitt sena konsekuttiva biex tiddiskuti din il-pjaga soċjali, bit-tema ‘Break the Cycle; Be the Change’.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Grixti spjegalna aktar dwar il-ħsieb wara dawn il-hubs speċjalizzati.
Qal, “L-ambjent tal-għassa mhux l-aħjar ambjent fejn vittma, li ġeneralment tkun mara, titkellem dwar dak li tkun għaddejja. Allura l-idea hi li jkun hemm post akkoljenti li hu user-friendly, victim-friendly, din hi xi ħaġa li tibni relazzjoni mal-vittma u twassalha biex tiftaħ qalbha.”
Hu kompla jispjega kif f’dawn il-hubs se titħaddem sistema ġdida li tanalizza r-riskji li hi differenti mis-sistema li kienet tintuża s’issa.
Fil-fatt, din l-għodda ġdida ġiet żviluppata fl-Amerka u tintuża f’diversi pajjiżi Ewropej.
Qal, “Bħalissa qegħdin nagħmlu dak li ngħidulu t-trialing, jiġifieri qed nużaw iż-żewġ sistemi f’daqqa biex naraw kif jaħdem id-DANGER Assessment il-ġdid u kif inqabblu r-riżultati tiegħu mad-DASH biex inkunu nafu wkoll kif nagħmlu l-aħjar użu minnu.”
Dan imur id f’id mal-ħidma kontinwa li ssir mill-FSWS biex tkun aġġornata mal-aħħar sistemi li jkunu qed jintużaw f’dan is-settur.
Fil-konferenza ġie spjegat kif, filwaqt li fl-2014, l-FSWS kienet tħaddem tlieta u għoxrin professjonist fil-qasam tal-vjolenza domestika, illum dawn il-ħaddiema jgħoddu għal ħamsa u ħamsin.
Bl-istess mod, il-baġit għal din it-taqsima żdied b’aktar minn mitejn u sebgħin fil-mija tul l-aħħar diċenju.
Colette Farrugia Bennett, manager tas-servizzi fi ħdan din it-taqsima, spjegat kif l-FSWS toffri għajnuna mhux biss għall-vittmi, imma anke għall-aggressuri, u fil-fatt il-konferenza ffokat fuq dawn tal-aħħar, għax jistgħu jintużaw biex iwaqqfu ċ-ċiklu tal-abbuż.
Qalet, “Il-programm jiffoka fuq il-bidla, ir-rispett u anke l-punt li wieħed jieħu r-responsabbiltà tal-imġieba tiegħu u tar-rabja li jista’ jkollu fir-relazzjoni.”
Fakkret li l-vittmi tal-vjolenza domestika mhumiex biss nisa, tant li l-Fondazzjoni saret tiltaqa’ ma’ ħafna każi fejn il-ġenituri jispiċċaw vittmi ta’ uliedhom.
Qalet, “Ħafna drabi jkun hemm diffikultajiet oħrajn li jkunu konnessi ma’ dik l-istorja, jista’ jkun ukoll diffikultajiet fiż-żagħżugħ jew żagħżugħa, imma anke fil-familja, però tingħata l-għajnuna direttament liż-żgħażagħ, imma anki lill-familja, għax importanti li s-sistema kollha tkun qed tirċievi l-għajnuna.”
Indirizzaw il-konferenza l-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, li t-tnejn saħqu li l-ebda tip ta’ vjolenza mhi aċċettabbli u tennew l-impenn tal-Gvern li jkompli jeduka u jieħu l-miżuri li hemm bżonn biex jipproteġi lill-vittmi u jgħin lil min iwettaq l-abbuż.