Fetħet it-tielet edizzjoni ta’ ‘Playcon’, l-expo speċjalizzata dwar il-videogames u l-esports, fil-Malta Fairs & Conventions Centre, l-MFCC, f’Ta’ Qali, f’dak li din is-sena qed twiegħed li tkun akbar minn qatt qabel. Din il-fiera qed tittella’ bl-għajnuna ta’ Gaming Malta u GMR.
Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, inawgura l-fiera waqt li qal li din hi prova ċara li l-industriji tal-video game development u esports huma realtà f’pajjiżna u tul is-snin qegħdin ikomplu jikbru.
Il-Ministru stqarr li fl-2019 ġiet imnedija l-israteġija ekonomika għall-video game development u l-esports u llum il-ġurnata qed jinqata’ r-riżultat tagħhom, filwaqt li hawn bosta kumpaniji li diġà qegħdin joperaw f’pajjiżna. Tenna jgħid li l-għan aħħari huwa li dan is-settur jikber għal 1% tal-GDP sal-2028.
Qal dan filwaqt li ħabbar ukoll li l-Ġimgħa stess se jkun qiegħed jiftaħ uffiċċju f’pajjiżna ta’ waħda mill-akbar kumpaniji tal-video game development fid-dinja, tant li tħaddem mat-12-il elf persuna globalment. Il-Ministru qal li din hi t-tip ta’ ekonomija li rridu nkomplu niddiversifikaw għal pajjiżna.
Il-Kap tal-Operat tal-Fondazzjoni Gaming Malta, Ivan Filletti, stqarr ma’ ONE li bħalissa qed isir investiment f’ħafna training programmes, bħal Malunity, pereżempju, fejn preżentament qegħdin jiġu mħarrġin madwar 400 student biex ikunu ċċertifikati fil-unity.
Qal kif mill-2019 ’l hawn sar investiment f’niċeċ ġodda tal-gaming, fosthom il-video game development, esports u immersive tech. Stqarr kif Playcon qed tagħti l-opportunità li turi lokalment u internazzjonalment kif din l-industrija f’Malta qed tikber.
Qal, “Kif qed naraw illum hawn ħafna tfal, hawn ħafna żgħażagħ. Dawn huma l-klijenti tal-futur. L-industrija tal-futur, l-entertainment, hi l-video gaming u l-esports u Playcon qiegħda turina biċ-ċar l-entużjażmu u l-enerġija li hemm u l-iskop tal-industrija.”
Filwaqt li l-Ħamis u l-Ġimgħa l-fiera playcon miftuħa għall-istudenti minn skejjel differenti madwar Malta u Għawdex, is-Sibt u l-Ħadd se tkun miftuħa għall-pubbliku inġenerali bejn l-10.30 ta’ filgħodu u s-6.30 ta’ filgħaxija. Id-dħul hu b’xejn.