Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, sellem il-memorja ta’ Joseph Camilleri mill-Imqabba, li għadu kemm miet, u ddeskrivih bħala “talent fantastiku” u “surmast per eċċellenz” fl-arti tal-piroteknika li kien jespressa fir-raħal li tant kien jgħożż.
“Id-dinja tal-piroteknika għadha kemm tilfet wieħed mill-aqwa esponenti tagħha f’pajjiżna – Josef Camilleri tal-Imqabba. Iddispjaċini ħafna meta smajt bit-telfa tiegħu mhux biss għax Josef kellu talent fantastiku fil-qasam tal-piroteknika, imma għax kien ħabib ħafna tiegħi u dejjem sibtu ta’ spalla fil-ħidma li wettaqna flimkien,” kiteb fuq il-midja soċjali tiegħu Dr Bonnici.
Hu tenna li Camilleri kien wieħed minn dawk li ħeġġu biex jitfassal fond għal aktar sigurtà fil-kmamar tan-nar, kif introduċa l-Gvern fl-aħħar snin.
Il-Ministru għadda l-kondoljanzi sinċiera lill-familja tiegħu u lis-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba fejn Camilleri tant ħadem u għallem lil ħaddieħor bil-ħila piroteknika tiegħu.
Fl-aħħar ħinijiet bosta qraba u ħbieb oħrajn ukoll sellmu l-memorja u l-artistrija ta’ Camilleri.