Sa Ottubru ta’ din is-sena l-persuni li jgħixu fi djar ta’ kura raw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom b’nefqa sostanzjali ta’ sebgħa u tmenin miljun ewro.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt li ġew diskussi l-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena dieħla marbutin mal-istess dekasteru.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru tenna li, sa Ottubru li għadda, il-Gvern xtara kull sodda li kien hemm fis-suq f’pajjiżna. Hu rrimarka li dan il-Gvern se jkompli jaħdem biex isebbaħ id-djar residenzjali, bħalma qed jiġri fid-dar tal-Furjana, bl-ispiża tilħaq it-tmien mitt elf ewro.
“Sa Ottubru il-Gvern kien xtara kull sodda li kien hemm fis-suq f’pajjiżna. L-ispiża kumplessa tal-Gvern f’dan is-settur għas-sena d-dieħla ħa tilħaq rekord ta’ sebgħa u tmenin miljun ewro.”
Sadanittant, il-Ministru Abela tkellem dwar il-lingwa Maltija f’dan is-settur fejn fil-fatt żdiedu korsijiet ta’ taħriġ għall-infermieri u l-ħaddiema barranin biex ikunu jafu jitkellmu u jiktbu b’Malti tajjeb.
Hu tenna li, avolja l-lingwa Maltija mhijiex waħda faċli biex titgħallem, ma rridux nippontaw subgħajna lejn il-barrani, kif għamel il-Partit Nazzjonalista, imma għandna nkomplu nsaħħu t-taħriġ.
Il-Ministru Abela ħabbar ukoll li l-Awtorità għall-Mediċini f’Malta, l-MMA, se tkun qed tinvesti miljun ewro mid-dħul tagħha biex jinħoloq fond biex jinxtraw mediċini innovattivi li ma jagħmlux parti mill-formulajru tal-Gvern. Fil-fatt is-sena d-dieħla se jibda jingħata tilqim kontra l-pneumococcus lil kull resident fid-djar ta’ kura.
Ġie spjegat li din il-manuvra għandha tnaqqas l-infezzjonijiet fil-pulmun u se tevita d-dħul fl-isptarijiet.
L-MMA se jkollha wkoll rwol ieħor importanti fil-qasam tat-tagħmir mediku hekk kif il-Joint Action Group for Medical Devices tal-Unjoni Ewropea ta żewġ miljun ewro biex jiġu eliminati tariffi marbutin ma’ investigazzjonijiet ta’ tagħmir difettuż.
Fl-istess seduta tkellem id-Deputat Laburista Michael Farrugia, fejn fakkar f’diversi miżuri li ttieħdu f’dan il-baġit marbutin mal-anzjani u anke mal-carers li jmorru jieħdu ħsieb l-anzjani fid-djar tagħhom stess.
“Żieda fl-iskema tal-carer at home. Żieda ta’ elf ewro oħra u issa se jkunu qed jingħataw għajnuniet sa tmint elef ewro oħra fis-sena. X’ma niġux u ngħidu Malta Ġusta. Malta Ġusta inkluż mal-anzjani.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Malcolm Paul Agius Galea, fakkar kif Gvern Laburista mill-2013 ’l hawn, ta’ kull sena għolla l-pensjonijiet b’mod ġust. Dan bil-kontra tal-Oppożizzjoni li, meta huma kienu fil-Gvern, il-pensjonijiet staġnahom.
“Pensjonijiet. Ħadd żgur ma jista’ jgħid fuq in-naħa l-oħra u pprovaw jgħidulna fuq in-naħa l-oħra. Ħamsa u għoxrin sena ffriżati. Taħt Gvern Laburista, sena wara sena, dejjem qed jiżdiedu u dan ma jista’ jinnegah ħadd.”
Il-Membru Parlamentari Katya De Giovanni ffokat fuq il-ħidma tal-Gvern fejn din is-sena nħolqot l-Awtorità tal-Istandards għal persuni kbar fl-età li hi ffokata biss fuq standards għoljin fid-djar tal-anzjani.
“Li timplimenta standards f’dan il-qasam, kien pass kuraġġuż li kellu bżonn isir u, iva, kien Gvern Laburista li qam għall-okkażjoni u għal darb’oħra ma beżax mill-bidla, anzi mexa id f’id mal-imsieħba soċjali biex ngħollu l-livell ta’ standards ta’ ħarsien u kura f’dan is-settur”
Tkellem ukoll id-Deputat Laburista Ray Abela fejn dawwar ħarstu fuq il-ħiliet u l-edukazzjoni f’dan is-settur.
“Bħala parti importanti minn din il-mixja għat-taħriġ u l-iskill cards tagħna, wieħed mill-modules għandu jkun definittivament il-lingwa Maltija, mhux biss fil-qasam mediku, imma wkoll fil-qasam tad-day-to-day meta dawn ikunu fid-djar tal-anzjani jieħdu ħsieb lill-anzjani tagħna.”