Se nara li l-permess tal-Gozo Airfield fix-Xewkija jkun approvat u nibdew il-proġett din is-sena stess. Qal dan il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, waqt id-diskussjoni fil-Parlament tal-estimi finanzjarji għad-dekasteru taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Hu spjega kif dan il-proġett, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, se jpoġġi lil Għawdex fuq il-mappa tal-avjazzjoni Mediterranja.
Sadanittant, meta kien qed jitkellem dwar l-istrateġija tal-Gvern għal Għawdex, il-Ministru nnota kif din tħares lejn il-gżira tat-tliet għoljiet bħala reġjun b’karatteristiċi uniċi li jagħmluh differenti minn Malta.
Id f’id magħha, il-miżuri mħabbra fil-baġit għas-sena d-dieħla għandhom iwasslu għal tkabbir ekonomiku li jixpruna kwalità ta’ ħajja aħjar u jżid il-valur tal-identità Għawdxija.
“L-istrateġija se tkun qiegħda timxi lil hinn mill-kunċett ta’ one size fits all, fejn dak li hu tajjeb għall-gżira ta’ Malta ma jfissirx li hu bilfors tajjeb għall-gżira tagħna Għawdex. Qed nagħrfu li Għawdex għandu l-ħtiġijiet distinti tiegħu. Din hi strateġija mfassla mill-Għawdxin għall-Għawdxin, fejn iżżomm fiċ-ċentru tagħha l-kunċett ta’ Għawdex gżira ta’ villaġġi, iżda fl-istess waqt tipprepara lil din l-istess gżira għall-ħtiġijiet u l-isfidi li se jkollna fil-futur.”
Il-Ministru Anton Refalo, ukoll minn Għawdex, innota kif f’din il-gżira, l-aħna hu ferm akbar mill-jiena, u kif Għawdex inbidel fi gżira li tattira l-investiment u tagħti l-opportunitajiet liż-żgħażagħ.
“Għawdex taż-żgħażagħ tagħna, b’opportunitajiet tad-deheb, fosthom li jekk jixtru proprjetà f’UCA Area jew li tkun vakanti bħala first time buyers, se nagħtuhom grant ta’ erbgħin elf ewro u għaxart elef oħra mill-housing, u dan minbarra għajnuniet b’saħħithom oħra ta’ eżenzjoni mit-taxxa.”
Id-Deputata Laburista Abigail Camilleri tkellmet f’kuntest ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, li minkejja dak kollu li għaddej madwar id-dinja, il-Gvern xorta ppreżenta baġit b’miżuri b’saħħithom li jagħtu viżjoni lill-pajjiż.
Qalet li dan il-baġit se jkun ta’ sostenn u inċentiv għall-familji u għan-negozji Għawdxin u Maltin, b’differenza għan-nuqqas ta’ viżjoni mill-Partit fl-Oppożizzjoni.
“Għalhekk tispiċċa titħabbel f’kobba u l-unika soluzzjoni li ssib hi li tinfexx fit-tmaqdir u bi proposti li s’issa la kienu jagħmlu sens, x’ħin ġew mistoqsija, la kienu costed, u lanqas jidher li hemm viżjoni jew pjan konkret.”