Il-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba ta’ Malta biex tikseb fondi taħt il-pakkett SAFE, maħsub biex ikunu megħjjuna familji vulnerabbli fid-dawl tal-pressjonijiet internazzjonali fil-prezz tal-enerġija.
Mill-pandemija għall-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern Malti baqa’ b’mod konsistenti impenjat li jgħin lill-familji u n-negozji Maltin.
Fuq quddiem nett qed jagħmel dan billi laqa’ għall-impatt taż-żieda fil-prezzijiet b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.
Kif spjegat fil-Budget 2024, għal dan il-għan, il-Gvern se jkun investa kważi biljun ewro fuq tliet snin.
Fid-dawl ta’ dan l-impenn, fl-aħħar xhur Malta applikat ukoll biex tagħmel użu mill-istrument SAFE (Supporting Affordable Energy) li hu maħsub biex jgħin familji vulnerabbli f’dan il-perjodu.
Permezz ta’ din il-faċilità, Malta u l-Kummissjoni Ewropea, wara negozjati intensivi mmexxija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej, qablu sabiex €24 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni jiġu allokati lejn din l-inizjattiva.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett irreaġixxa b’mod pożittiv għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
“Filwaqt li l-impenn tal-Gvern li jgħin lill-familji u n-negozji kien mill-bidu u konsistenti, tant li din kienet anke l-ikbar miżura tal-budget għas-sena d-dieħla, kienet ir-responsabbiltà tagħna li fejn rajna opportunità ta’ finanzjament naħdmu biex niksbuha għal pajjiżna. Sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba ta’ Malta fl-intier tagħha u allokat €24 miljun għal din l-inizjattiva partikolari maħsuba biex ikunu megħjuna familji vulnerabbli,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Filwaqt li nnota li l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern Malti f’dan is-settur hija l-iktar waħda b’saħħitha fl-Unjoni Ewropea, u għaliha qed ikunu ddedikati mijiet ta’ miljuni ta’ ewro f’dawk li huma fondi nazzjonali, is-Segretarju Parlamentari Bonett fakkar kif dan mhux l-uniku finanzjament li l-Gvern kiseb fis-settur tal-enerġija fl-aħħar xhur. Semma l-programm REPower EU minn fejn se jsir investiment ta’ €70 miljun minn dan il-fond biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni u jkunu faċilitati inizjattivi ta’ enerġija rinnovabbli.