Ġie inawgurat Wildlife Rehabilitation Centre, li jinsab fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin u li se jipprovdi ambjent u faċilitajiet aħjar għar-riabilitazzjoni ta’ annimali selvaġġi feruti, waqt li jservi wkoll bħala ċentru għar-riċerka u l-edukazzjoni ambjentali.
Dan iċ-ċentru diġà qed joffri kura lil disat ifkieren tal-baħar u seba’ qniefed.
Il-proġett ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, fil-preżenza tal-President ta’ Nature Trust Malta, Vince Attard, u d-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea.
Iċ-ċentru ġie żviluppat minn Nature Trust Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Ambjent Malta, b’investiment ta’ €2.5 miljun ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Iċ-ċentru jinkludi faċilitajiet ta’ riabilitazzjoni għal diversi annimali selvaġġi, inklużi fawna tal-baħar u tal-art, u tjur u anke se jservi bħala santwarju għall-irkupru ta’ dawn l-annimali qabel jiġu rilaxxati mill-ġdid fl-abitat tagħhom.
Il-Ministru Dalli nnotat kif il-proġett jinkludi wkoll Ċentru ta’ Riċerka tal-Baħar u żona edukattiva għat-tfal u l-viżitaturi, fejn ikunu jistgħu jitgħallmu dwar l-annimali selvaġġi Maltin u l-konservazzjoni tagħhom.
“Vera pożittiv tara lill-Gvern flimkien ma’ NGOs u s-settur privat jiġu flimkien, biex illum għandna l-ewwel Wild Life Rehabilitation Center f’pajjiżna. Mhux biss. Permezz tal-ħidma li saret bejniethom se jirnexxielna niftħu mill-ġdid spazju kbir li hu park naturali n-naħa isfel ta’ Malta u nstabu wkoll fdalijiet megalitiċi minn tempju li qed naraw ukoll li jiġu kkonservati.”
Iċ-ċentru jinsab fil-bini preċedenti tal-istazzjon tar-radju Deutsche Welle, li għalaq fl-1996. Il-bini, li hu rikonoxxut bħala struttura ta’ valur ta’ wirt industrijali sinifikanti, ġie restawrat u ngħata l-ħajja mill-ġdid. Jinkludi wkoll diversi elementi sostenibbli bħall-enerġija rinovabbli, il-konservazzjoni tal-ilma u sistemi ta’ mmaniġġjar tal-iskart.
Bl-appoġġ ta’ Ambjent Malta, tħawlu aktar minn 20,000 siġra u arbuxelli indiġeni madwar il-bini u f’żoni oħrajn tal-park naturali, u b’hekk ħolqu ekosistema b’saħħitha.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Bonett qal kif dan hu eżempju ieħor li permezz ta’ fondi Ewropej se jgawdu l-familji Maltin u Għawdxin.
“Qed naraw post li jgħaqqad ma’ dawk li huma fondi, mhux biss l-ambjent, iżda anke l-edukazzjoni u proġett li jħares lejn it-tfal tagħna.”