Ftit wara li tħabbar li Malta se jkollha l-Presidenza tal-OSCE, is-sena d-dieħla, fi Vjenna, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Helga Schmid.
Fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li waqt il-laqgħa l-Prim Ministru Abela feraħ lis-Segretarju Ġenerali Schmid talli mexxiet l-Organizzazzjoni fi żminijiet ta’ sfidi u esprima l-appoġġ ta’ Malta lejn it-tiġdid tal-mandat tagħha.
Il-Prim Ministru Abela esprima wkoll il-gratitudni tiegħu għall-fiduċja murija lejn Malta mir-rappreżentani tal-OSCE biex tieħu t-tmun tal-akbar Organizzazzjoni tas-sigurtà fl-2024.
Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela u s-Segretarju Ġenerali Schmid kellhom ukoll diversi diskussjonijiet fosthom fuq il-kunflitti li għaddejjin partikolarment fl-Ukrajna.
Dr. Abela faħħar il-ħidma tal-OSCE fuq l-inizjattivi tal-Programm ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u esprima r-rieda ta’ Malta li tappoġġja din l-inizjattiva permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-Programm ta’ Appoġġ.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru qal li l-impenn ta’ pajjiżna huwa li jkollha vuċi favur il-paċi u s-sigurtà fil-fora internazzjonali.
ARA IKTAR: