Il-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, irrakkomanda li Malta jkollha f’idejha l-Presidenza tal-istess kunsill mill-1 ta’ Jannar li ġej.
Jingħad li d-deċiżjoni fil-kwartieri tal-OSCE fi Vjenna, l-Awstrija ttieħdet b’mod unanimu mill-kunsill ta’ 57 pajjiż rappreżentat u se tkun qed issir b’mod formali nhar il-Ħamis li ġej fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri, li se ssir fi Skopje, il-Maċedonja ta’ Fuq, li bħalissa għandha l-Presidenza tal-organizzazzjoni.
Dan l-iżvilupp importanti għall-organizzazzjoni maqbuda f’nuqqas ta’ qbil għal tul ta’ żmien dwar min se jkun qed imexxi wara li jiskadi t-terminu tal-Maċedonja fil-31 ta’ Diċembru, jerġa’ jtenni l-fiduċja u r-rispett internazzjonali lejn pajjiżna.
Id-deċiżjoni waslet wara trattattivi intensi bil-bibien magħluqin biex tinstab soluzzjoni u tiġi evitata sitwazzjoni bla preċedent ta’ nuqqas ta’ tmexxija fl-organizzazzjoni.
In-nuqqas ta’ qbil dwar it-tmexxija fil-bidu tal-2024 ilu għaddej minn Novembru tal-2020 meta l-Estonja nediet it-talba formali biex tmexxi, iżda eżattament wara sabet l-oġġezzjoni tar-Russja, li għadha topponi sal-lum. Alternattivi oħrajn ġew diskussi, inkluż l-estensjoni tal-Presidenza tal-Maċedonja ta’ Fuq.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Malta ġiet avviċinata informalment dwar il-possibbiltà li tieħu r-rwol fit-tmexxija ta’ din l-akbar organizzazzjoni dinjija għas-sigurtà fir-reġjun.
Dan hu żvilupp ieħor importanti fl-isfera internazzjonali, wara li, aktar kmieni dan ix-xahar, riżoluzzjoni Maltija fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Mgaħquda ma sabet l-ebda oġġezzjoni favur l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni tal-vulnerabbli, partikolarment it-tfal, fil-Medda ta’ Gaza.
Din kienet l-ewwel azzjoni konkreta li ttieħdet mill-ĠM wara aktar minn xahar li beda l-aħħar konflitt fil-Lvant Nofsani, minħabba li erba’ riżoluzzjonijiet preċedenti twaqqfu jew ma sabux l-appoġġ neċessarju.
Issa l-Presidenza tal-OSCE se tkun funzjoni oħra mill-aktar importanti, fejn pajjiżna se jkun primarjament responsabbli biex imexxi l-Kunsill Permanenti ta’ kull ġimgħa, flimkien ma’ negozjati fost is-57 pajjiż membru.
Dan ir-rwol hu aktar kruċjali llum minħabba t-turbolenzi ġeo-politiċi kurrenti u saħansitra nuqqas ta’ ftehim intern fuq il-baġit tal-organizzazzjoni nnifisha.