Fi stqarrija, l-Unjin tal-Għalliema l-MUT qalet li strajkjaw 97% tal-għalliema li jgħallmu fl-iskejjel tal-istat u tal-Knisja.
Dan bħala parti mid-Direttivi li għaddejja bihom l-istess unjin waqt li fl-istess waqt għaddejjin negozjati b’rabta mal-ftehim settorali għall-għalliema.
Hekk kif għaddejj dan l-istrajk li laqat lil madwar 55,000 tifel u tifla li jattendu fl-iskejjel ta’ pajjiżna, l-istess unjin qalet li lesta’ terġa’ tirritorna madwar il-mejda tan-negozjati.
L-istrajk qed isir wara nuqqas ta’ qbil mal-Gvern fuq il-ftehim settorali għall-għalliema.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela f’attività politika lbieraħ fil-Marsa sostna li l-Gvern qed jipproponi pakkett ferm aktar b’saħħtu minn dak li kien hemm ħames snin ilu, fl-aħħar ftehim kollettiv maqbul.