VisitMalta ħabbret li, minn Jannar li ġej, issieħbet bħala destinazzjoni ppreferuta ma’ Serandipians, komunità ta’ appassjonati u disinjaturi ta’ vvjaġġar ta’ eċċellenza għall-klijenti tagħhom biex jiksbu esperjenzi ta’ eleganza u artiġġjanat.
Għaldaqstant, il-gżejjer Maltin, li jgawdu minn storja rikka u kulturali liema bħalhom, huma destinazzjoni ideali biex jipprovdu lill-viżitaturi b’opportunità memorabbli fejn jiskopru l-istorja li tmur lura sekli sħaħ, waqt li jgawdu mill-aqwa faċilitajiet moderni.
Bħala Sit ta’ Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO, il-Belt Valletta hi l-post fejn trid tkun kemm jekk tħobb l-istorja u l-ikel, b’boutique hotels ta’ karattru b’veduti mill-isbaħ fuq il-Port il-Kbir u l-iprem restoranti. Anke fil-gżira-oħt ta’ Għawdex, li tgawdi l-awtenticità tagħha u hi ferm aktar kalma, toffri sbuħija naturali u storja antika.
Minbarra hekk, b’konnettività tajba ħafna globalment ’il bogħod biss tliet sigħat mill-ibliet prinċipali Ewropej, kumpaniji ta’ jets privati wkoll jipprovdu servizzi li jilħqu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-klijenti.
Il-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Serandipians, Quentin Desurmont, stqarr li “l-gżejjer Maltin huma destinazzjoni perfetta għall-klijenti ta’ Serandipians Member Travel Designers, li huma anzjużi jiskopru l-lussu permezz tan-natura, l-arti u l-kultura. Inħossuna privileġġjati li nistgħu niffaċilitaw tali skoperti mhux mistennija.”
Min-naħa l-oħra, Christophe Berger, Direttur ta’ VisitMalta għat-taqsima tal-inċentivi u l-laqgħat, qal li “kburin li se nkunu qed nissieħbu ma’ Serandipians. Il-gżejjer Maltin huma inkredibbli u ħaqqhom jingħaqdu ma’ netwerk professjonali ta’ fornituri u destinazzjonijiet. Nistennew bil-ħerqa biex niżviluppaw ir-relazzjoni tagħna ma’ Serandipians, filwaqt li nkomplu nespandu s-settur lussuż turistiku f’Malta”.