Maltija ta’ 32 sena, li isimha ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, nżammet arrestata, minkejja li wieġbet mhux ħatja għal pussess ta’ droga mhux għall-użu personali.
L-imputata ġiet mixlija wkoll li kienet riċediva, li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li nstabet fil-pussess tas-sustanzi fil-parametri ta’ klabb, skola jew post fejn jiltaqgħu iż-żgħażagħ.
Hija wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
Fil-Qorti ntqal, kif mal-imputata kien hemm ukoll persuna oħra, li ħarbet minn fuq il-post, u li qed tiġi mfittxija mill-Pulizija.
L-allegat każ seħħ f’lukanda f’San Ġiljan, filwaqt li b’rabta ma’ dan il-każ, għadha għaddejja inkjesta.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, li ġiet miċħuda mill-Qorti.