Il-gazzetti tal-Ħadd kienu ddominati minn artikli ta’ kritika għall-Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan wara d-diskors kontroversjali li għamel fil-Parlament waqt id-diskussjoni tal-estimi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
L-ewwel paġna tal-Illum kellha t-titlu “Fuq il-popolazzjoni, jaħsbuha differenti minn Bernard Grech”, bl-artiklu jkompli f’paġna erbgħa bit-titlu “Mhux veru dak li qal Bernard Grech li l-popolazzjoni rdoppjat”.
Dan l-artiklu fih il-kumment ta’ numru ta’ stakeholders importanti li kollha urew li ma jaqblux mar-retorika kontra l-ħaddiema barranin li adotta Bernard Grech. Fost l-oħrajn is-Segretarju tal-GWU, Josef Bugeja stqarr b’fermezza li “bħala unjin qatt ma nistgħu naqblu u lanqas naċċettaw narattiva fejn il-ħaddiema barranin jidhru bħala piż fuq is-soċjeta tagħna”.
Jispikka b’mod partikolari l-kumment mogħti mis-Segretarju tal-UHM, Josef Vella, li fid-dawl tal-kritika li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni li l-Gvern qed jaħbi l-kejl veru tal-popolazzjoni qal li “la ċ-Ċensiment ikun f’postu m’għandux għalfejn ikun hemm problema fuq in-numru tal-popolazzjoni”.
Ta’ min ifakkar li l-istess Josef Vella huwa membru fuq il-bord tal-Awtorita tal-Istatistika, liema entita tissorvelja kif isir il-kejl tal-popolazzjoni. Kif jintqal mill-Illum data preċiża dwar il-popolazzjoni f’Malta hija ddokumentata u tinġabar skont metodi vverifikati mill-Eurostat.
Dan fil-fatt ħareġ anke minn Fact Checker li għamlet it-Times of Malta fejn ċaħdet kif għamlet l-Illum id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-popolazzjoni rduppjat u li hemm xi attentat biex tinħeba l-popolazzjoni li hawn f’pajjiżna.
Fil-fatt anke fil-Malta Independent on Sunday deher artiklu fejn jiġi kkwotat il-fatt li l-popolazzjoni f’Malta mhux veru rdoppjat imma żdiedet b’ferm anqas minn hekk.
L’hinn mill-aspett tal-iżball kbir statistiku li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni jispikka wkoll is-sens ta’ disapprovazzjoni għat-ton tan-narrativa ta’ Bernard Grech.
F’editorjal b’saħħtu l-Illum, bit-titlu “Argument bażwi ta’ Bernard Grech”, l-editur ta’ din il-gazzetta jsostni li mhux veru li l-ħaddiema barranin qed jieħdu xogħol il-Maltin u filfatt huma kruċjali biex il-Maltin qed ikunu jistgħu jmorru għal xogħlijiet aħjar. L-editur jinnota li d-diskors ta’ Grech huwa simili għal dak ta’ Adrian Delia, li kien wassal għal telfiet kbar elettorali frott ir-resistenza tal-fazzjoni liberali tal-Partit Nazzjonalista.
Minbarra hekk mill-ġurnali toħroġ il-kritika li d-diskors ta’ Grech huwa wieħed ta’ firda u li se jwassal biex aktar nies jivvutaw għall-movimenti tal-lemin estrem fl-elezzjonijiet Ewropej. Jgħid dan b’mod ċar l-opinjonista James Debono fil-Malta Today li jgħid li d-diskors ta’ Grech kellu aspett xenofobu u esagerazzjonijiet statistiċi. Liema aspetti jistgħu jirriflettu preġudizzji razzjali. Dan minbarra l-fatt li Grech qed jippreżenta l-ħaddiema barranin bħala riskju għas-sigurta u jillegimitiża asserzjoni foloz magħmula mill-lemin estrem.
B’mod aktar leġġer kemm il-gazzetta Kulħadd kif ukoll l-Illum ddedikaw il-karikatura tagħhom għad-diskors negattiv ta’ Bernard Grech. Min-naħa l-Kulħadd għafset fuq l-użu tal-kelma “indiġeni” li bija l-media Nazzjonalista issa bdiet tuża biex tifred lill-Maltin mill-ħaddiema barranin.
Min-naħa l-oħra l-Illum penġiet lil Bernard Grech liebes uniformi sewda jgħajjat kontra l-ħaddiema barranin bl-approvazzjoni tal-Kap tal-Imperium Europa, Norman Lowell.