Id-defiċit tal-Gvern f’Ottubru kien mija, ħamsa u ħamsin miljun u seba’ mitt elf ewro, tnaqqis ta’ erba’ mija, tnejn u disgħin miljun ewro meta mqabbel mas-sena ta’ Ottubru tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Fond Konsolidat tal-Gvern.
Intqal, li bejn Jannar u Diċembru ta’ din is-sena id-dħul rikorrenti ammonta għal ftit aktar minn ħames biljun u mitejn elf ewro, żieda ta’ ftit anqas minn sebgħa mitt miljun ewro, fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-akbar żidiet kienu rreġistrati fit-Taxxa tad-Dħul, fis-Sigurtà Soċjali u fl-Għotjiet.
Min-naħa l-oħra ġie rrappurtat tnaqqis fid-dħul mixxellanju u mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, b’sitta u tletin punt disa’ miljun ewro u tnejn u għoxrin punt tnejn miljun ewro rispettivament.
Fl-istess perjodu, jiġifieri minn Jannar sa Ottubru, saħansitra żdiedet in-nefqa totali tal-Gvern li laħqet il-ħames biljun, tlett mija, disgħa u sebgħin miljun ewro, ekwivalenti għal mitejn u żewġ miljuni u mitejn elf ewro aktar mill-istess perjodu fl-2022.
F’dan il-perjodu n-nefqa rikorrenti żdiedet bi kważi mija, sebgħa u għoxrin miljun ewro għal ftit anqas minn erba’ biljun u sitt mija u sittin miljun ewro.
L-akbar żieda kienet fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet tal-Gvern, li ammontat għal wieħed u sittin miljun ewro aktar.
In-nefqa kapitali tal-Gvern ukoll żdiedet b’ħamsa u erbgħin miljun ewro u nofs għall-ħames mija, erbgħa u erbgħin u seba’ mitt elf ewro.
Iż-żieda fin-nefqa kapitali kienet attribwita għal żidiet fl-inizjattivi bħar-REPowerEU, il-Propjetà, Impjant u Tagħmir u fuq is-Sistemi tal-Immaniġġjar tal-Identità Nazzjonali.
Fl-aħħar ta’ Ottubru d-dejn l-Gvern kien ilaħħaq id-disa’ biljun, sitt mija u tmenin miljun u disa’ mitt elf ewro.