B’investiment ta’ ħames miljun ewro, pajjiżna issa għandu l-ewwel mużew u arkivju tar-Reġistri Notarili li jinsabu f’żewġ palazzi rijabilitati fil-Belt Valletta.
Dan il-proġett sar b’ko-finanzjament ta’ fondi Ewropej li laħqu l-erba’ miljun ewro mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali.
Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fl-2016, u fl-2021 l-Arkivju tar-Reġistri Nutarili beda jifforma parti mill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta.
F’April ta’ din is-sena l-operat mar f’idejn il-Fondazzjoni Arkivji Nutarili.
Ma’ dan l-istazzjon tkellmet id-Direttur Operattiv tar-Reġistri tal-Arkivji Notarili, Joan Abela li spjegatilna fiex ikkonsista dan il-proġett, li fost l-oħrajn se jkun qed jħares lejn il-preservazzjoni tad-dokumenti nutarili miżmuma fih.
“L-ewwelnett dan l-investiment ħa jkun qed ifisser illi għall-ewwel darba f’Malta ħa jkollna arkivju fejn il-manuskritti tagħna ħa jkunu miżmuma ġo klima li hija state-of-the-art, l-ewwel waħda bħala f’Malta. Barra minn hekk, għandna wkoll mużew fejn aħna il-wirt tal-karta ħa ntuh id-dinjità li jistħoqqlu.”
Hija spjegat ukoll kif se jkun qed jopera dan il-proġett, fejn fost l-oħrajn il-mużew se jkun miftuħ għall-pubbliku.
“Ħa jkollna wkoll Ċentru tal-Konservazzjoni tal-Karta fejn ħa jkollna, konservaturi professjonali. Għandna sezzjoni li hija ddedikata għall-paljografija, fejn rawwimna żgħażagħ f’din il-professjoni li prattikament kienet qed tmut hawn Malta.”
Fl-inawgurazzjoni tal-mużew u l-arkivju, il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici ddeskriva dan l-arkivju bħala sors uniku ta’ informazzjoni b’lok għal aktar skoperti tal-istorja ta’ Malta u l-Mediterran.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard stqarr li l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett timmarka ġurnata importanti fl-istorja rikka tal-professjoni notarili, filwaqt li nnota kif dan kollu se jgħolli l-istandard fil-qasam tal-professjoni.
Minn naħa tiegħu, s-Segretarju Permanenti għall-Fondi Ewropej, Chris Bonnett stqarr kif b’dan l-investiment mhux biss ġie ppreservat il-passat imma ngħata aċċess għalih lill-ġenerazzjoni ta’ issa u għada.