Tlesta proġett li permezz tiegħu infetħu tliet ċentri ta’ matul il-jum fil-Kottonera.
Dawn it-tliet ċentri li jinsabu f’Bormla, il-Birgu u l-Kalkara ser ikunu qed joffru spazju ta’ rikreazzjoni għall-anzjani fil-Kottonera.
Dan tħabbar waqt li l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli għamlu żjara f’dawn it-tliet ċentri ġodda.
Fil-fatt, hawn ġie spejgat kif kien grazzi għal kollaborazzjoni bejn l- Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-Parroċċa ta’ Bormla u l-kunsilli lokali rispettivi, li dawn iċ-ċentri setgħu jinfetħu.
Min naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq fuq l-importanza ta’ dawn iċ-ċentri fejn b’kollox s’issa hawn 29 ċentru f’Malta. Spjega kif f’dan il-każ kien inħass il-bżonn li jkomplu jespandu iċ-ċentri ta’ matul il-jum f’lokalitajiet oħra.
Qal li “fil-Kottonera llum ħa niftħu 3 Day Centres għall-anzjani li se joffru servizzi matul il-ġurnata f’dawn il-komunitajiet. Il-Gvern jibqa’ kommess li jtejjeb is-servizzi tiegħu għall-anzjani fil-komunità.”
Il-Ministru Abela tenna wkoll li l-għan ta’ dawn iċ-ċentri jibqa’ li joffru spazju lill-anzjani fejn jiltaqgħu u jibqgħu attivi permezz tas-sessjonijiet varji li jsiru.
Semma wkoll kif il-programm varjat ta’ attivitajiet jgħin biex jħeġġu lill-anzjani jibqgħu jitgħallmu u jibqa’ jkollhom sehem attiv fis-soċjetà billi jużaw l-abbiltajiet tagħhom u jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ anzjani oħra u ġenerazzjonijiet oħra.
Intant, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret il-kollaborazzjoni ta’ dawn il-kunsilli lokali favur l-anzjani tal-Kottonera. Hija saħqet li l-kunsilli lokali għandhom dejjem iżommu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, it-titjib kontinwu tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti kollha, fil-komunitajiet rispettivi tagħhom.
“Infaħħar l-impenn u l-kollaborazzjoni ta’ dawn il-Kunsilli Lokali flimkien mal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva biex illum qegħdin niftħu tliet ċentri ġodda fil-qalba tal-Kottonera biex ikunu l-anzjani stess li jgawdu minn dan is-servizz u minn dawn iċ-ċentri ġodda.”