Fid-dawl li nhar it-Tnejn 27 ta’ Novembru, id-direttivi tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, se jkunu qegħdin jilħqu l-qofol tagħhom fil-forma ta’ strajk, tħabbar pjan ta’ kontinġenza fl-iskejjel milquta.
Dan tħabbar f’konferenza ta’ aħbarijiet ndirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti tal-istess Ministeru Matthew Vella.
Il-Ministru Grima spjega x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern b’rabta man-negozjati mal-MUT.
“Il-Gvern huwa dejjem miftuħ li jkompli jpoġġi bilqiegħda madwar il-mejda tan-negozjati però tali negozjati isiru jekk u meta l-istess direttivi mħabbra mill-MUT jiġu rtirati.”
Il-Ministru Clifton Grima
Fil-konferenza, Grima reġa’ tenna kif il-Gvern qiegħed jipproponi pakkett b’żidiet sostanzjali għall-għalliema.
Intqal kif mal-55,000 tifel u tifla mistennija li jkunu milquta minn dawn id-direttivi u b’hekk se jkun qed japplika għalihom il-pjan ta’ kontinġenza mħabbar.
Is-Segretarju Permanenti, Matthew Vella spjega d-dettalji tal-pjan ta’ kontinġenza li stqarr kif dan ġie mfassal wara li sar risk assessment tas-sitwazzjoni.
Is-servizzi anċillari tat-trasport, Breakfast Club u Klabb 3-16 mhux se jiġu pprovduti iżda se jkun hemm biss superviżjoni tal-istudenti li se jkunu qegħdin jattendu.
Huwa nnota wkoll li r-Resource Centres, il-Learning Support Centres, il-ĠEM16+, il-Giovanni Curmi Higher Secondary, is-Sixth Form ta’ Għawdex kif ukoll l-Alternative Learning Programme, magħruf bħala l-ALP, mhux se joffri servizz għall-istudenti.
Għaldaqstant, il-ġenituri se jkunu qegħdin jirċievu email u SMS bl-informazzjoni kollha u twaqqfet ukoll linja 25981150 għal dawk li jkunu jixtiequ assistenza dwar dak kollu li jkollhom bżonn b’rabta mal-pjan ta’ kontinġenza. Din il-linja se tkun miftuħa mis-sebgħa ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ waranofsinhar kuljum għajr għall-Ħadd li se tagħlaq f’nofsinhar. In-numru 153 wkoll se jkun qed joffri l-assistenza lil dawk li jeħtieġuha.
Għall-fini ta’ attendenza, l-istudenti li ma jattendux għall-iskola se jkunu qegħdin jiġu mmarkati bħala skużati u mhux se jkunu obbligati li jippreżentaw noti jew ċertifikati.
Mit-Tlieta 28 ta’ Novembru s-servizzi kollha tal-iskejjel se jkun qed jirritornaw għan-normal.
Meta mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru Clifton Grima nnota wkoll li filwaqt li jħalli kull dritt lill-għalliema biex jimxu mad-direttivi tal-MUT, dawk li mhux se jirrapurtaw għax-xogħol nhar it-Tnejn mhux ser ikunu qegħdin jitħallsu.