Bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet ‘Christmas in the Capital’, li qed jittella’ fil-Belt Valletta, bejn is-Sibt li ġej u l-aħħar ta’ din is-sena, il-presepju li jintrama kull sena quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann din id-darba għandu tema ta’ solidarjetà ma’ dawk milqutin mill-konflitt li għaddej fil-Lvant Nofsani.
B’ritratti tat-terrur li qed jersperjenzaw il-familji fl-Art Imqaddsa u partikolarment fil-Medda ta’ Gaza, u l-kliem tal-kanzunetta famuża tal-1984 minn Band Aid, ‘Do They Know It’s Christmas’, ix-xena tan-nattività tqanqal iżjed il-kuxjenza ta’ kull min jgħix f’pajjiżna jew dawk li jżuruna u jistgħu jgawdu dan iż-żmien festiv fl-akbar trankwillità.
Ix-xogħol hu tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA), biċ-Chairperson tagħha, Jason Micallef, jisħaq fuq il-midja soċjali li l-Milied tal-2023 mhux l-istess meta l-post fejn twieldet din il-festa llum sar ċimiterju tal-innoċenti.
Kellha wkoll tkun ukoll riżoluzzjoni Maltija l-ġimgħa li għaddiet li sabet l-appoġġ fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għall-ewwel azzjoni konkreta fl-aħħar mewġa tal-konflitt dejjiemi mix-xahar li għadda ’l hawn.
S’issa diġà nqatlu aktar minn 14,000 persuna f’Gaza.