Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli implimenta l-miżuri kollha li kienu tħabbru fil-Baġit għal din sena. Dan stqarru l-Ministru responsabbli Roderick Galdes waqt li l-Parlament għadda biex jiddiskuti l-estimi finanzjarji tad-dekasteru fil-Baġit 2024.
Il-Ministru qal li l-akkomodazzjoni hi l-pedament tar-refuġju u s-sigurtà f’ħajjitna. Filwaqt li l-istruttura fiżika tipprovdi kenn u post fejn wieħed jista’ jsejjaħlu “dar”, huma l-elementi intanġibbli li verament jagħmlu din l-abitazzjoni, kenn. Id-dimensjonijiet emozzjonali u soċjali tal-akkomodazzjoni soċjali jestendu ferm lil hinn mill-konfini fiżiċi tagħna u jagħmluh parti essenzjali mill-esperjenza umana.
Qal, “Huma dawn l-elementi kollha Ii wassluna biex għas-sena 2024, permezz tal-Baġit ‘Malta Ġusta’, is-settur tal-akkomodazzjoni se jerġa’ jara żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għalih. Rekord għal sena oħra b’investiment li jlaħħaq il-ħamsin miljun ewro. Rekord bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna.”
Fakkar fl-akbar proġett li qatt ra dan il-pajjiż meta fl-2017 investiment ta’ 140 miljun ewro fl-akkomodazzjoni soċjali llum ifissru saqaf diċenti u dinjituż lil dawk li għandhom bżonn.
Bħalissa madwar il-pajjiż għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u xogħol ieħor fuq 20 sit t’akkomodazzjoni soċjali, li se jfissru 1,700 appartament li se jagħtu opportunità lil dawk kollha li minħabba xi ċirkostanzi ma jistgħux jaċċessaw is-suq tal-proprjetà u lanqas il-kera.
Fl-aħħar sena b’investiment ta’ madwar 9 miljun ewro oħra, aktar minn 130 familja bdew jgħixu ħajjithom taħt saqaf diċenti u dinjituż.
Il-Ministru Galdes irrefera għal diversi skemi offruti u li qed ikomplu jtejbu l-ħajja ta’ eluf ta’ ċittadini, fosthom lil min qed jikri r-residenza tiegħu, li bil-Baġit għall-2024 se jesperjenzaw żieda sa 1,000 ewro fis-sena.
Issemmew l-iskemi tal-first time buyers, it-tnaqqis fit-taxxa tal-boll, l-għajnuna għal xiri f’żoni ta’ konservazzjoni urbana u l-għotja tal-elf ewro fis-sena għal għaxar snin lil kull min xtara l-ewwel dar tiegħu mis-sena 2022.
Ingħad kif, fl-aħħar għaxar snin, in-numru ta’ dawk sidien ta’ djarhom żdied b’44,000 persuna.
L-Awtorità tad-Djar għandha wkoll numru ta’ skemi mmirati lejn persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom, li m’għadhomx jingħaddu fil-komputazzjoni tat-test tal-mezzi. Minbarra hekk, miżura oħra, dik tas-Sensibility Scheme, rat familji li għandhom tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, l-ADHD, id-Down Syndrome jew diżabilitajiet oħrajn setgħu jibdlu kamra f’darhom f’waħda sensorjali.
Għaddej ukoll proġett ta’ riġenerazzjoni fuq blokok tal-Gvern b’investiment ta’ 10 miljun ewro, fejn fl-aħħar tliet snin gawdew 270 blokka fejn jgħixu madwar 2,000 familja.
Waqt is-seduta tkellmet ukoll id-Deputata Laburista Naomi Cachia, li qalet kif il-Gvern għandu jibqa’ jkun proattiv u jaddatta għar-realtajiet tal-ġurnata, kif sar bil-ħolqien tal-iskemi tal-first time buyers, u dik speċjalizzata għal akkomodazzjoni affordabbli.
Qalet, “Inizjattiva li nħolqot biex tipprovdi soluzzjonijiet sostenibbli u iżjed innovattivi li jħarsu lejn is-suq tal-proprjetà preżenti u li qiegħda mmirata lejn nies li ma jaqgħux fil-bracket ta’ nies li jistgħu jaċċessaw l-akkomodazzjoni soċjali, imma qed isibuha diffiċli biex jaċċessaw is-suq privat.”
F’intervent li għamlet id-Deputata Laburista Romilda Zarb hi saħqet kif tul iż-żmien il-Gvern kompla jibni dan is-settur għandu l-allokazzjoni rikurrenti ta’ kważi 85 miljun ewro, l-akbar waħda u b’żieda ta’ 4.5 miljun ewro fl-2024. Saħqet dwar l-importanza li l-Gvern jibqa’ jappoġġja liċ-ċittadini jsiru sidien ta’ djarhom.
Qalet, “Dan il-Gvern matul is-snin, bait wara l-ieħor, kompla jressaq ’il quddiem baġits biex verament ngħixu u aħna ngħinu liċ-ċittadini tagħna. Hu bla dubju wkoll li bħala Gvern dejjem għarafna li nindirizzaw dawn ir-realtajiet u proprju għalhekk aħna se nieħdu ħsieb li nkomplu ninċentivaw biex inkomplu nassiguraw il-valuri Soċjalisti tagħna.”