F’konferenza tal-aħbarijiet, bit-tema ‘Malta Ġusta’, ġiet imnedija skema li se tkun qed tipprovdi tablet għal kull sajjied. Dan il-proġett innovattiv li, b’investiment qawwi, se jkun qed jiffaċilità l-ħidma tas-sajjieda Maltin u Għawdxin, waqt li jservi għal skop ta’ riċerka biex din l-industrija tant importanti ssir iżjed sostenibbli fiż-żmien li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ħabbru li kull sajjied irreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura ser jingħata tablet waterproof, mgħammar b’app li ser tagħti l-opportunità lis-sajjieda biex jagħmlu użu minn numru ta’ servizzi differenti.
Dan se jkun qed isir permezz ta’ fondi Ewropej, minn pakkett sħiħ ta’ €330 miljun, li se jiġu allokati għad-dgħajjes tas-sajjieda bl-użu tal-GPRS u għodod diġitali oħrajn, bħall-użu tat-tablets.
Fil-fatt is-sajjieda professjonali se jingħataw tablets biex jkunu jistgħu jirreġistraw id-dgħajjes tagħhom biex ukoll jgħaddu tagħrif u dejta importanti dwar il-qabdiet tagħhom.
B’hekk, permezz tar-riċerka li ssir, ikunu jistgħu wkoll jiġu protetti speċi partikolari ta’ ħut fl-ibħra territorjali tagħna.
Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett spjega kif, bl-użu tal-fondi Ewropej, qed ikomplu jinvestu fis-sajjieda lokali, din id-darba billi qed jipprovdulhom għodod diġitali li se jħaffu l-proċessi eżistenti li bħalissa jgħaddu minnu s-sajjieda, filwaqt li tittejjeb il-komunikazzjoni bejniethom u bejn id-Dipartiment tas-Sajd.
Qal, “Dawn huma fondi Ewropej importanti ħafna, għax imorru direttament fil-qalba ta’ dak li aħna nsejħulhom fondi Ewropej tan-nies, għax dawn jużawhom is-sajjieda. Dan hu settur importanti ferm fis-soċjetà tagħna. Hu settur li aħna rridu nipproteġuh, għax aħna, bħala Gvern, nafu li s-sajd, apparti li hu xogħol tradizzjonali, hu xogħol li jġib ġid ekonomiku lejn dan il-pajjiż u ħa nimmodernizzawh”. temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said iddeskriviet din l-inizjattiva bħala parti mill-istrateġija ta’ diġitalizzazzjoni li qed jwettaq il-Gvern fis-settur tas-sajd. B’dawn l-għodda ġodda, id-Dipartiment se jkun qed jaqdi l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tas-sajjieda b’mod sostenibbli u effettiv. Hija kompliet li permezz ta’ din is-sistema se tkun tista’ tinġabar ukoll informazzjoni xjentifika.
Qalet, “Dan it-tagħmir teknoloġiku, dan it-tablet, se jkun il-pass li jmiss fis-settur tas-sajd. Dan se jkun qed jiffaċilita l-ħajja tas-sajjieda tagħna, għax aħna nafu kemm se jiġu bżonn servizzi differenti mid-Dipartiment tas-Sajd u għaldaqstant issa, minflok ikollhom imorru direttament b’mod fiżiku u b’diversi karti biex jieħdu diversi servizzi, se jkunu qegħdin jagħmlu dan permezz tat-tablet.”