L-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS, iffirma ftehim ma’ istituzzjoni edukattiva fiċ-Ċina, dik magħrufa bħala Shanghai Industrial and Commercial Polytechnic, is-SICP, fejn permezz tiegħu studenti Ċiniżi se jkunu jistudjaw programm edukattiv offrut minn Malta f’pajjiżhom.
F’Shanghai, iċ-Ċina, studenti se jkunu jistgħu japplikaw għal kors, immexxi mill-ITS, li permezz tiegħu ikunu jistgħu jiksbu Diploma fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti jew fl-arti kulinarja.
Kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech, meta jiggradwaw minn dan il-kors, li jieħu tliet snin, ikunu, imbagħad, jistgħu jiġu f’pajjiżna biex jiksbu baċellerat mill-kampus tal-ITS.
Qal, “Dan ifisser li minn Ottubru tal-2024 se nibdew naraw l-ewwel studenti Ċiniżi jidħlu mal-ITS fis-satellite campus tagħna fiċ-Ċina.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, saħaq kif, permezz ta’ dan, l-ITS se tkun qed tkabbar u ssaħħaħ isimha barra minn xtutna.
Qal, “Dan il-ftehim tal-lum se jfisser li, għall-ewwel darba fl-istorja, għandna istituzzjoni edukattiva lokali, l-ITS, li se jkollha satellite campus fejn hemmhekk se jkollna studenti Ċiniżi li jistudjaw il-kurrikulu tal-ITS l-istess bħal Malta.”
Il-Viċi President tal-istituzzjoni Ċiniża nnota kif l-istudenti f’pajjiżu se jiġu mgħallmin minn edukaturi Maltin.
Qal, “It’s a good opportunity for Chinese students, accept the education of Malta in China. The student can learn a lot from teachers of Malta.”
Waqt li kien preżenti għall-iffirmar, l-Ambaxxatur taċ-Ċina għal Malta nnota kif dan jixhed kemm ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi huma b’saħħithom.
Qal, “I think this is a very important program between the two countries. Yet it is another showcase of the excellent bilateral relations between Malta and China. The signing of this agreement will provide opportunities for Chinese students to have better access for education.”