Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, fit-18 ta’ Novembru, Samuele Andolina, ġellied lokali mit-TEAM Noel Kickboxing Club, pparteċipa f’wieħed mill-aktar tournaments internazzjonali prestiġjużi fl-arti marzjali gewwa l-Italja, magħruf bħala Oktagon, taħt id-direzzjoni tà Master Noel Mercieca.
Samuele Andolina huwa l-ewwel ġellied lokali li bis-sehem tiegħu rnexxielu jnaqqax isem Malta f’avveniment tant prestiġjuż.
Permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-avveniment Oktagon f’Turin, l-Italja, Samuele għamel marka oħra billi, flimkien mal-ġellieda ewlenin l-oħra minn madwar id-dinja, ismu ġie mniżżel fil-“Main Card Category” bħala parti mill-“pay-per-view” sabiex l-avveniment ġie imxandar madwar id-dinja.
L-avveniment offra wkoll tliet ISKA Title Fights, apparti l-ġlied l-oħra. Samuele Andolina wettaq ġlieda eċċellenti kontra l-ġellied mill-Moldova, Alexandru Cazacinschi.
Fi ġlieda ta’ 3 x 3, Samuele Andolina għamel użu ta’ taħlita ta’ “middle kicks” u “punches” mix-x-xellug sabiex żamm l-offensiva fuq avversarju tul il-ġlieda kollha.
Hekk kif il-ġlieda ġiet fi tmiemha, il-ġudikanti kellhom diffikultà biex jiddeċiedu min kien ir-rebbieħ.Dan għaliex iż-żewġ ġellieda taw wirjiet mill-aqwa fi ġlieda li kienet ferm bilanċjata.
Minkejja li Samuele kellu kliem ta’ tifħir minn diversi spettaturi u l-kummentatur tat-televiżjoni tal-avveniment, il-ġellied mill-Moldova rebaħ bil-punti b’deċiżjoni maqsuma bi “split decision”.
Lura lejn Malta, “Master” Noel Mercieca qal li bil-parteċipazzjoni ta’ Samuele f’avveniment tant sinifikanti tal kickboxing bhal dan huwa ippromwova l-isports talkickboxing Malti. Min-naħa l-oħra l-ġellied Malti Samuele Andolina esprima l-gratitudni tiegħu talli kellu opportunità daqshekk prestiġjuża u stqarr kif issa qed jistenna bil-ħerqa sabiex jerġa’ jibda jitħarreġ biex ikun ippreparat għal opportunitajiet ohra fil-futur qarib.