Nhar is-sibt fit-18 ta’ Novembru il-kickboxer lokali Samuele Andolina,minn TEAM Noel Kickboxing Club, ipparteċipa f’wieħed mill-aktar turnaments internazzjonali prestiġjużi fl-arti marzjali fl-Italja, magħruf bħala Oktagon.
Andolina huwa l-ewwel ġellied lokali li bis-sehem tiegħu, naqqax isem Malta f’avveniment tant ta’ prestiġju. Fl-avveniment Oktagon f’Turin, Samuele Andolina kellu ismu imniżżel fil-“Main Card Category” bħala parti mill-“pay-per-view” sabiex l-avveniment jiġi imxandar madwar id-dinja.
Apparti l-ġlied l-oħra l-avveniment offra wkoll tliet ISKA Title Fights. Bi prestazzjoni brillanti, Samuele Andolina wettaq ġlieda eċċellenti kontra l-ġellied mill-Moldova, Alexandru Cazacinschi.
Fi ġlieda ta’ 3 x 3, Samuele Andolina uża għażla ta’ “middle kicks” u “punches” mix-xellug sabiex żamm l-offensiva fuq l-avversarju tul il-ġlieda kollha.
Fi tmiem il-ġlieda, il-judges kellhom diffikultà biex jiddeċiedu min kien ir-rebbieħ, hekk kif iż-żewġ ġellieda taw wirjiet mill-aqwa fi ġlieda li kienet ferm bilanċjata. Sfortunatament, minkejja li Samuele kellu kliem ta’ tifħir minn diversi spettaturi u l-kummentatur tat-televiżjoni tal-avveniment, deċiżjoni maqsuma ta’ “split decision” waslet biex il-ġellied mill-Moldova rebaħ bil-punti.
Il-kowċ ta’ Andolina, Master Noel Mercieca esprima d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni aħħarija tal-ġudikanti filwaqt li faħħar lill-istudent tiegħu Samuele Andolina għal prestazzjoni eċċellenti. Barra minn hekk huwa zied jgħid li bil-parteċipazzjoni ta’ Samuele f’avveniment tant importanti tal-Kickboxing bħal dan huwa ippromwova l-isports tal-Kickboxing malti.
Min-naħa tiegħu Samuele Andolina esprima wkoll il-gratitudni talli kellu opportunità daqshekk prestiġjuża minkejja li tilef b’deċiżjoni maqsuma bi “split decision”. Issa qed jistenna bil-ħerqa sabiex jerga jibda jitħarreġ biex ikun ippreparat għal opportunitajiet oħra fil-futur qarib.