Ix-xahar li għadda, il-qgħad f’pajjiżna kien f’livell ta’ inqas minn elf persuna. Dan ħareġ minn ċifri ġodda tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn urew li r-rata ta’ qgħad lokali kienet ta’ 959 persuna.
Dawn ir-riżultati pożittivi komplew jiġu rreġistrati, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent li kien hemm mill-2020 lil hawn, inkluż bħalissa bil-Gwerra fl-Ukrajna u dik fil-Lvant Nofsani.
Fl-istess ħin ikomplu mat-tbassir għall-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea fejn intqal li r-rata tal-qgħad se tibqa’ l-aktar baxxa mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess tbassir ekonomiku wkoll ħareġ li Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea fis-sentejn li ġejjin.
Mill-aħħar statistika tal-NSO, jirriżulta li, fuq perjodu ta’ xahar, dawk jirreġistraw mingħajr impjieg ma’ JobsPlus naqsu b’ħamsa u erbgħin persuna, meta mqabbel ma’ Settembru li għadda.
Dan hekk kif, dakinhar, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ ftit iżjed minn elf persuna.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li l-qgħad fost il-persuni b’diżabilità kien ta’ mitejn u erbgħin persuna.