F’għeluq l-ewwel sena mindu bdiet topera l-iskema nazzjonali tar-rifużjoni tal-fliexken tax-xorb, bil-BCRS Malta bħala l-operatur liċenzjat, inġabru aktar minn 204 miljun kontenitur tax-xorb.
Dan tħabbar minn BCRS Malta Ltd fi stqarrija, hekk kif spjegat li fis-sena minn meta bdiet topera f’Novembru tal-2022, BCRS Malta ġabret 79% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss fiċ-ċirkolazzjoni.
Il-kontenituri miġburin intbagħatu lill-operatur approvat biex jiġu riċiklati b’mod effettiv u b’hekk inkisbet rata ta’ riċiklaġġ ta’ 72%.
F’kumment dwar ir-riżultati, Pierre Fava, Chairman ta’ BCRS Malta Ltd, esprima l-apprezzament tiegħu għar-rata għolja ta’ parteċipazzjoni min-naħa tal-pubbliku biex tħaddan din l-inizjattiva tal-ekonomija ċirkolari.