L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech infexxet tattakka lill-Kummissarju għat-Tfal għax tħasbet bl-azzjonijiet industrijali imposti mill-Unjin għall-Għalliema.
Il-kelliem għall-edukazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Justin Schembri attakka lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u qal li dan jitkellem meta jaqbillu biss.
Schembri, li l-ġimgħa l-oħra qal li hu jrid isir Ministru tal-Edukazzjoni, infexx b’dan l-attakk wara li l-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo ħeġġet biex tinstab soluzzjoni fl-aħjar interessi tat-tfal biex ma ssirx iktar ħsara fuq it-tfal u d-dritt tagħhom għal edukazzjoni ta’ kwalità.
Il-Kummissarju kienet qed titkellem b’referenza għall-azzjonijiet industrijali fosthom l-istrajk ordnat mill-MUT fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja għal nhar it-Tnejn li ġej.
Anki l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Rhoda Gharland talbet lill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT biex tirrikunsidra direttiva industrijali li qed tolqot ħażin tfal b’diżabilità fl-iskejjel.
Gharland kitbet lill-President tal-MUT Marco Bonnici biex jirtira azzjoni imposta fuq l-għalliema li waqfu jagħrfu lill-ġenituri ta’ tfal dwar dak li jkun sar fil-klassi.
“Għal studenti li ma jikkomunikawx, il-ktieb li fuqu l-għalliema jiktbu dwar x’sar fil-klassi huwa għodda kruċjali”, kienet qalet Gharland hi u tisħaq li l-ġenituri għandhom ikollhom is-serħan il-moħħ li eżempju l-istudenti b’diżabilità ħadu l-mediċina li kellhom bżonn waqt li kienu l-iskola.