Wara l-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid fil-qalba tar-Rabat, Għawdex, ilbieraħ, id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg kien pront jirreaġixxi fuq il-midja soċjali tiegħu biex jipprova jagħti l-impressjoni li, jekk ma tkunx il-kritika tiegħu, fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet ma jsir xejn.
“Onestament ix-xewqa tiegħi hi li dwar Għawdex ma jkollix għalfejn niftaħ ħalqi aktar biex nikkritika,” ħarbex l-avukat żagħżugħ, waqt li wkoll ittanta jitfa’ dubju fuq proġetti oħrajn li diġà huma mwegħdin mill-Gvern Laburista, bħal sptar ġdid għal Għawdex wara li tneħħiet il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Steward Healthcare u magni għall-MRI u l-kimoterapija f’Għawdex stess.
Dan meta f’Settembru li għadda, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne diġà ħabbar li nħareġ it-tender għax-xiri ta’ MRI għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
B’dan, Borg kompla jmur kontra twissijiet li nħarġulu mid-Dar Ċentrali.
Il-Ħadd li għadda, fl-attività tal-Partit Nazzjonalista fix-Xagħra, Għawdex, ikkonferma kemm irid jisfida lit-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Beda billi qal li l-baġit, li ressaq il-Gvern Laburista, minn aspett socjali kien wieħed tajjeb, bħal kull wieħed ta’ qablu. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li sostna Bernard Grech fir-replika tiegħu fejn qal li dan kien baġit bla ebda viżjoni.
U kompla jfaħħar il-miżura fejn żdiedet l-għotja għal dawk li jixtru proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana, b’botta lejn il-Kap tiegħu li, minkejja li qal li għandu viżjoni għal Għawdex, ma kienx kapaċi jlissen imqar proposta waħda speċifika.
ONE News hu nfurmat li Alex Borg diġà kien imwissi mit-tmexxija Nazzjonalista biex ma jindaħalx ukoll fuq temi relatati mas-saħħa, fejn diġà hemm kelliema oħra responsabbli mis-settur, inkluż dawk tal-establishment.
Minkejja dan, bl-aħħar messaġġ tiegħu dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa fejn ipprova jieħu xi kredtu, kompla jisfida lit-tmexxija Nazzjonalista.
Id-Deputat Għawdxi mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia, li hu magħruf bħala ‘Mr Facebook’ minn dawk qrib id-Deputat Chris Said, li għandu l-appoġġ tal-establishment Nazzjonalista, diġà ġie redikolat għad-drabi li jispara bl-addoċċ biex jittanta jimpressjona lis-sostenituri tiegħu.
Inkluż meta qabad kampanja dwar suppost żieda ta’ reati li qed iseħħu ta’ kuljum fil-gżira. Minflok ġie mgiddeb kemm mill-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, kif ukoll saħansitra mill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, innifsu permezz taċ-ċifri li jixhdu kif il-kriminalità f’Għawdex hi l-inqas baxxa fl-aħħar għoxrin sena.