Ir-riżoluzzjoni li ressqet u ġiet adottata fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda nhar l-Erbgħa li għadda, b’enfażi biex jiġu protetti l-innoċenti, partikolarment it-tfal involuti fil-Lvant Nofsani, turi r-rispett internazzjonali li qed igawdi pajjiżna.
Għadda din ir-rimarka l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, waqt li t-Tnejn filgħodu għamel Stqarrija Ministerjali fil-Parlament.
Qal, “Dan l-approċċ meqjus ġie ferm apprezzat minn kulħadd u wassal għall-ewwel riżoluzzjoni tal-Kunsill fuq dan is-suġġett mill-2016. Dawn il-ġranet ikkonfermaw li Malta tgawdi l-fiduċja sħiħa u r-rispett tal-komunità internazzjonali.”
Il-Ministru Borg tenna li din ir-rizoluzzjoni ta’ pajjiżna għaddiet wara li kien hemm erbgħa oħrajn imressqin minn pajjiżi ferm akbar li fallew.
Qal, “Din ir-riżoluzzjoni hi pass importanti fid-direzzjoni t-tajba. Fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, Malta se tkompli tinvolvi ruħha b’mod attiv fis-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani, bil-għan li tissalvagwardja l-ħajjiet ċivili kollha. Se nibqgħu sodi fl-impenn tagħna għall-protezzjoni tal-protezzjoni ċivili u l-qagħda mwegħra tat-tfal fil-konflitt armat matul il-kumplament tal-mandat tagħna fil-Kunsill u lil hinn.”
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fakkar li waħda mill-prijoritajiet ta’ pajjiżna f’dan l-organu importanti hu dan, li t-tfal jgħixu fil-paċi.