Maċedonjan ta’ 32 sena ġie arrestat u se jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ għadd ta’ serqiet minn ħwienet differenti bejn Ġunju u Novembru ta’ din is-sena.
Jidher li r-raġel sgassa matul il-lejl u wettaq 9 serqiet minn ħwienet fil-Belt Valletta, Ħal Qormi, Tas-Sliema, in-Naxxar u l-Mellieħa.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI
Minn dawn il-ħwienet insterqu numru kbir ta’ mobiles u laptops, waqt li minn ħanut ieħor fin-Naxxar, insteraq ammont ta’ flus kontanti.
Allegatament huwa prova jisgassa ukoll ħwienet oħra f’Birkirkara, Ħal Tarxien, il-Marsa u fil-Gżira.
Il-valur tal-oġġetti misruqa minn dawn il-ħwienet huwa ta’ madwar €150,000.
L-investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija wasslu biex jiġi identifikat l-allegat ħalliel u ġie arrestat is-Sibt filgħaxija f’San Ġiljan.