Il-ġinnasta ta’ 14-il sena Therese Amélie Vassallo mill-klabb “Ritmica Malta” laħqet il-quċċata b’midalja tad-deheb fil-kategorija A “2008-2010,” l-ogħla livell f’dawn il-kampjonati. B’hekk ukoll assigurat post fit-tim nazzjonali Malti tal-ginnastika ritmika.
Nhar is-Sibt li għadda, atleti minn tliet klabbs lokali tal-ginnastika ritmika ħadu sehem fil-kampjonati nazzjonali li ttellgħu fil-gym tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
Permezz tal-prestazzjoni eċċellenti tagħha fil-hoop u fil-ballun, Vassallo rnexxielha tikseb midalji tad-deheb f’dawn iż-żewġ taqsimiet, waqt li rebħet ukoll il-fidda fir-ribbon u l-bronż fis-sezzjoni tal-klabbs.
Robert Magro, President tal-Federazzjoni Maltija tal-Ġinnastika u Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, ipprezentalha t-trofew tar-rebbieħa overall, il-midalji u ċ-ċertifikat tal-parteċipazzjoni.