Minn Jannar tas-sena li ġejja, ONE se jkun qed iwassal programm televiżiv ġdid dwar l-prattiċi tradizzjonali u soċjo-kulturali tal-kaċċa u l-insib fil-gżejjer Maltin.
Is-serje ta’ 13-il episodju, bl-isem ta’ “Mid-Dura,” se tkun qed tixxandar kull nhar ta’ Erbgħa, b’repetizzjonijiet is-Sibt u l-Ħadd, u se tkun disponibbli wkoll on-demand fuq ONE Play u YouTube.
Dan il-programm se jkun qed ixandar il-qalba tal-wirt tal-kultura, tradizzjonijiet u s-sostenibbiltà tal-kaċċa u l-insib fil-gżejjer tagħna.
‘Mid-Dura’ hi produzzjoni tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), li hi ddedikata biex tgħallem dwar dawn il-prattiċi.
Għal dawn l-aħħar 50 sena, l-FKNK kienet il-gwardjan tal-kultura, it-tradizzjonijiet u diversi proġetti ta’ konservazzjoni, u issa, qed twassal ukoll l-istorja tagħha fuq t-televiżjoni permezz ta’ ONE.