Fil-jum dinji għat-tfal, il-Gvern nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-Qafas ta’ Politika tat-Tfal sal-2030, bl-isem ta’ “Ninvestu fit-tfal tagħna għall-futur aħjar”.
Din il-viżjoni tnediet f’konferenza, li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Id-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru, Alexia Vella spjegat li din il-politika qed issir fuq konsultazzjoni tat-tfal minnhom stess u tieħu inkonsiderazzjoni l-isfidi globali li hawn madwar id-dinja.
Hija spjegat li din l-istrateġija hija msejsa fuq erba’ prijoritajiet li huma t-titjieb tal-benesseri tat-tfal, appoġġ lill-familji bit-tfal, l-għoti ta’ ambjent aħjar u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tat-tfal.
Il-Ministru Michael Falzon tenna li din hija t-tieni viżjoni għat-tfal, wara dik li saret sitt snin ilu.
Michael Falzon sostna li l-Gvern għamel ħafna f’dan il-qasam fosthom iż-żieda fl-allowance tat-tfal, childcare b’xejn u anki t-trasport tal-iskola bla ħlas.
Din il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa sal-21 ta’ Diċembru li ġej, bit-tfal ukoll jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq ‘Empowering Children App’.